- Ivan Bartolo, Deputat Nazzjonalista
Ivan Bartolo, Deputat Nazzjonalista, qal fil-parlament li ftit ilu l-Gvern ftaħar li solva l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali. Tajjeb li l-Ministru Galdes jgħid kemm saru applikazzjonijiet għal housing. In-numri fl-aħħar snin naqsu u tajjeb li wieħed japprezza li din niżlet għaliex dan il-Gvern Laburista mhux kapaċi jikkontrolla l-kirjiet dejjem jogħlew fil-pajjiż.
Il-burokrazija tal-Gvern qed twassal biex persuni jaqtgħu qalbhom milli japplikaw għal post tal-housing. Il-Ministru qed jgħid li se jkollu aktar postijiet milli hemm fil-lista ta’ stennija. Jiġifieri kulħadd se jinqeda!
Disa’ snin wara n-naħa tal-Gvern qed titkellem dwar l-allokazjonijiet tal-housing imma tajjeb li xi jgħid jindika liema binjiet se jingħataw lin-nies la darba dawn ma humiex lesti. Il-Gvern qed iwiegħed kollox u lil kulħadd u anki lil nies li ma japplikax għal xi appartament tal-Gvern. Dan hu biss tentattiv mill-Gvern biex jixtri l-voti issa li ninsabu lejliet l-Elezzjoni Ġenerali.
Ivan Bartolo staqsa lill-Ministru Galdes lil min se jkun qed iqassam il-postijiet tal-Gvern. Għandu jgħid ukoll x’sar minnhom dawk li kienu qed japplikaw għal post tal-Gvern iżda għal xi raġuni dawn inqatgħu mil-lista. Dawn huma tal-poplu u għalhekk il-poplu għandu kull raġun li jagħmel ċertijiet mistoqsijiet li huma leġittimi.
Hemm barra hemm ħafna nies li huma rrabjati u mweġġa’ bis-sitwazzjoni tagħhom. Hemm barra hemm ħafna sfidi soċjali fejn il-Gven qed idawwar wiċċu lil hinn bl-aktar mod sfaċċat.
Il-faqar madwarna kiber ħafna u issa anki biex xi ħadd jieħu dar tal-housing irid jgħaddi minn għarbiel… qed jammettu huma stess li għamluha ħafna aktar diffiċli biex xi ħadd jieħu post tal-Gvern.
Ivan Bartolo kompla li għandna Gvern fejn ir-ruħ soċjali tiegħu sparixxiet għal kollox. Dan il-Gvern falla għal kollox dwar il-qasam tal-housing soċjali. Ħafna ftaħir iżda meta tagħsar kollox ma ssib xejn. Il-Ministru Galdes ma għamel assolutament xejn sa issa. Dan hu Gvern fejn għandu piki kbar fejn jidħlu l-piki fl-infieq bl-addoċċ.
Dan hu Baġit bla ebda sens ta’ direzzjoni u bla viżjoni. Ma fih xejn li se jibdel il-ħajja tan-nies għall-aħjar. Il-Gvern qed juri li falla bil-kbir u se jissokta ma jużax bil-għaqal il-flus tan-nies kif mistenni u mixtieq.
Ivan Bartolo qal li l-messaġġ li joħroġ minn dan il-Baġit hu li l-Gvern se jibqa’ jżid id-dejn b’€4 miljun kuljum! Dan hu Gvern li jibbrilla fid-direct orders iżda sa issa ma kienx kapaċi jlesti mqar appartament wieħed mill-1,700 li ilu jiftaħar bihom. Djar tal-housing xejn.
Hu ħeġġeġ lill-Gvern biex jaġġorna s-sistema ta’ kif isir it-test tal-mezzi għaliex filwaqt li l-faqar fil-pajjiż qed ikompli jiżdied u jikber u dan għandu jkun ta’ tħassib għal kulħadd, il-Gvern qed jiftaħar li l-lista ta’ nies li qed japplikaw għal post tal-Gvern qed tonqos!
Ivan Bartolo qal li Gvern Nazzjonalista jimxi b’mod differenti ħafna man-nies mill-mod kif qed jimxi dan il-Gvern fejn flok iservi, jisserva u aktar hu moħħu fix-xenxilli milli biex isolvi l-problemi ta’ tant familji.
Fis-settur tad-djar tal-Gvern qed jirriżulta dejjem aktar kemm-il Gvern Laburista falla bil-kbir. U l-agħar tas-sitwazzjoni hi li għandna Gvern Laburista li ma hux konxju minn dan il-falliment.
Il-Ministru Galdes ma jistax jibqa’ jaħrab mir-realtà li għaddej minnha pajjiżna fejn hawn tbatijiet kbar u nies fil-faqar, iżda hu jibqa’ jonfoq il-flus fix-xenxilli għaliex irid jikkompeti ma’ xi Ministru ieħor fuq l-istess Distrett Elettorali.
Il-Ministru Galea għandu jallarma lilu nnifsu bil-livell miżeru ta’ binjiet u l-iffullar fl-istess binjiet. Naturalment il-Ministru Galdes jgħix f’realtà differenti iżda tajjeb li jduq ir-realtà hemm barra x’inhi.
Tkellem ukoll dwar kif iż-żgħir qed ikompli jiffaċċja diffikultajiet saħansitra mill-Awtorità tad-Djar u mill-Banek fejn flok isib lil min jgħinu, isib ħafna burokrazija u qtigħ il-qalb. Karti kontra karti. Dokumenti kontra dokumenti. Mhux ta’ b’xejn li hemm barra n-nies m’għandhiex fiduċja f’istituzzjonijiet bħall-Awtorità tad-Djar.
//= $special ?>