Lokali

Il-PN b’aktar proposti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech irid jikkontribwixxi biex pajjiżna jkun wieħed mill-protagonisti ewlenin fil-ġlieda kontra l-isfidi li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima. Hu għalhekk li jrid jagħmel bidla b’viżjoni ħalli ssir qabża ta’ kwalità anke f’setturi importanti bħall-Ambjent.

Hekk qal il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutajar matul konferenza tal-aħbarijiet, fejn qal li, fost l-oħrajn, minn issa l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta Abbozz ta’ Liġi li jipproteġi zoni protetti milli jkunu abbużati minn Dipartimenti u Awtoritajiet tal-Gvern bl-iskuża li xogħol li jsir fihom ikunu ta’ emerġenza, meta mhux dejjem ikun il-każ.

Robert Cutajar kompla li, barra minhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech jara li jsir studju li jilqa’ għall-isfidi tal-bajjiet u l-baħar madwar il-kosta, kif ukoll li t-33 sit ikklassifikat bħala Natura 2000 jingħaddu lill-NGOs biex ikunu immaniġġjati minnhom.

Min-naħa l-oħra, dawk l-NGOs li diġà jimmaniġġjaw xi wieħed minn dawn is-siti jkunu mgħejjunin mill-Gvern biż-żidiet meħtieġa fir-riżorsi finanzjarji u umani. Hu qal li, sa mill-1989, Gvern Nazzjonalista diġà kien parteċipi fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, bis-sehem tal-Ministru ta’ dak iż-żmien Ċensu Tabone. Illum, din il-ħidma qed tkompli bi proposti għal futur aħjar.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija l-Ħadra David Thake, li qal li din tat-tibdil fil-klima hi sfida reali u, għax pajjiżna mhux eċċezzjoni, irid jagħmel il-parti tiegħu wkoll.

Fost l-oħrajn, hu qal li rridu naraw li pajjiżna jnaqqas l-emmissjonijiet mill-karozzi u, minflok, jippromwovi aktar l-użu ta’ karozzi elettriċi. Spjega li hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jibbaża l-istrateġija tiegħu fuq il-ħsieb ta’ “Always Be Charging”, fejn iċ-charging points ikunu f’kemm jista’ jkun postijiet li jintużaw mill-poplu, bħall-pjazez u fejn il-knejjes.

Dan ikun jista’ jsir b’żieda fl-infrastruttura wara li l-Gvern jifhem l-istil ta’ ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

David Thake kompla li, filwaqt li hu tajjeb li l-Gvern preżenti żied iċ-charging pillars, sfortunatament hemm tħassib dwar l-ippjanar problematiku li uża mingħajr ma għandu f’idejh l-informazzjoni meħtieġa.

Kompla li, biex isaħħaħ dan l-impenn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li Gvern ġdid jinċentiva lill-Privat bi skemi ħalli car parks privati jkollhom żewġ charging points għal kull 50 vettura li jilqgħu.

Min-naħa tagħha, Janice Chetcuti, Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u l-persuna li tmexxi l-working group PN Greens, tenniet li l-Ambjent hu verament għal qalb il-Partit Nazzjonalista għax jaf li dan jaffettwa l-għajxien ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu għalhekk, qalet, li pajjiżna jeħtieġ Gvern li jkollu għal qalbu l-benesseri tagħna.

Janice Chetcuti qalet li l-konferenza internazzjonali COP26 hi l-okkażjoni ideali biex il-pajjiżi jingħaqdu ħalli nħallu dinja aħjar lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, fost l-oħrajn ladarba hu stmat li fis-seklu li ġej, it-temperaturi madwar id-dinja jistgħu jiżdiedu bi 3 gradi Celsius.

Dwar il-ħidma ta’ PN Greens, spjegat li l-Partit Nazzjonalista se jara li jinvesti biex fuq il-bejt tad-Dar Ċentrali jinħoloq solar farm, filwaqt li se jara li l-propjetajiet kollha tiegħu jissebbħu b’aktar pjanti u siġar.