Rapport: Stewart Said
Għat-tieni sena konsekuttiva, Ben Plumpton ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-ASA. Il-plejer ta’ 23 sena kompla fejn ħalla fl-aħħar snin hekk kif kien pedina importanti fit-tim ta’ San Ġiljan bi rwol differenti minn tal-aħħar staġun.
Plumpton kien utilizzat aktar fid-difiża mill-kowċ Dorian Pisani iżda n-numru sebgħa tal-Ġiljaniżi spikka xorta b’wirjiet pożittivi. Minkejja l-irwol ftit aktar irtirat mis-soltu, Plumpton xorta baqa’ jsib ix-xibka b’mod frekwenti.
F’total ta’ 21 logħba milgħuba bejn l-Enemed Cup, il-Kampjonat Premier u n-knock-out, Plumpton skorja total ta’ 41 gowl. Erba’ gowls minnhom, waslu fil-finali tan-knock-out mirbuħa kontra Neptunes 11-10.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Plumpton wera l-kuntentizza tiegħu għar-rebħ ta’ dan l-unur prestiġjuż għaliex qal li s-sagrifiċċji li għamel qed iwassluh għar-riżultati. “Minkejja li kellna l-Pixxini magħluqa għal tul iż-żmien minħabba l-pandemija, xorta bqajt nitħarreġ waħdi darbtejn kuljum u ngħum fil-baħar kiesaħ fix-xhur tax-xitwa. Għalhekk inħossni kburi li matul din is-sena, irnexxieli nikseb suċċess fuq livell personali u fuq livell ta’ tim.”
B’dan is-suċċess, Ben Plumpton ingħaqad ma’ leġġendi tal-waterpolo bħal Stephen Rizzo, Dirk Dowling, Niki Lanzon u Paul Privitera bħala darbtejn rebbieħ tal-Plejer tas-Sena tal-ASA. Dan filwaqt li hu t-tieni l-aktar plejer li rebaħ dan l-unur bħala plejer ta’ San Ġiljan.
L-aħħar għaxar rebbieħa tal-Plejer tas-Sena tal-ASA
2021 – Ben Plumpton (San Ġiljan)
2020 – Ben Plumpton (San Ġiljan)
2019 – Jerome Gabarretta (Sliema)
2018 – Jordan Camilleri (Neptunes)
2017 – Stevie Camilleri (Neptunes)
2016 – Stevie Camilleri (Neptunes)
2015 – Stevie Camilleri (Neptunes)
2014 – Matthew Zammit (San Ġiljan)
2013 – Stevie Camilleri (Neptunes)
2012 – Stevie Camilleri (Neptunes)
//= $special ?>