It-triq ta’ Ħal Farruġ għada qed tinżamm magħluqa wara li lbieraħ inksiet bi fuel.
Ilbieraħ waranofsinhar ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ksew biċċa kbira mit-triq bir-ramel biex jinxtorob il-fuel li ħareġ.
Għal ħin twil ir-riħa tal-fuel tant kienet qawwija li l-ħaddiema tas-CPD bdew iwissu persuni biex jidħlu fi djarhom u ma joħorġux barra minħabba r-riħa qawwija li kien hemm.
Residenti ta’ Ħal Farruġ li tkelmu ma’ dan is-sit jinsabu rrabjati ferm għall-mod kif ġew trattati fl-aħħar snin.
“L-ewwel waħħlulna t-tankijiet mingħajr ma avżaw lil ħadd minna r-residenti, imbagħad pruvaw jikkalmawna billi wegħduna €500 fis-sena, li qatt ma waslu. Issa ara x’qed jiġri. Kull darba li tagħmel ix-xita jkollna riħa qawwija ta’ jetfuel. Il-ħwejjeġ minxura dejjem bit-tikek suwed. U s-sindku ta’ Ħal Luqa jfarfar. L-ewwel kien tort ta’ Konrad Mizzi, imbagħad ta’ Joseph Muscat u issa ta’ Miriam Dalli. Jgħadduna biż-żmien imbagħad jiġu għall-vot”.
Intant ilbieraħ minħabba din l-ispill, inġema’ traffiku enormi fiż-żoni ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, il-Gudja, id-daħla li tmur lejn l-Imqabba u Ħal Kirkop u aktar. Fl-inħawi ta’ qrib l-ajruport, turisti li kienu se jabqdu titjira lura lejn pajjiżhom intlemħu jinżlu mill-vetturi u jixmu bil-bagalji tagħhom lejn it-terminal.
//= $special ?>