Edukazzjoni Lokali

Japprofittaw mill-istudent teachers waqt li l-Ministru tgħid li dan huwa parti mill-kors tat-teaching practice

Numru ta’ student teachers saħqu li jinsabu ferm ansjużi wara li spiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni mingħajr ebda avviż u stennija. Dan hekk kif ġew infurmati mill-Awtoritajiet tal-Edukazzjoni li minħabba li wara xahar numru ta’ klassijiet fil-primarja għadhom mingħajr għalliema huma ngħataw klassi għalihom biex isolvu din il-problema.

Uħud minn dawn l-istudenti li jinsabu f’din is-sitwazzjoni li tkellmu ma’ Net News saħqu li qed jintużaw b’mod sfaċċat sabiex fi kliemhom, isoddu toqba.

Għal din is-sitwazzjoni aħna staqsejna lill-Ministru responsabbli, Justyne Caruana, fejn saħqet li dan huwa parti mill-kors tagħhom.

“Huwa parti mill-kors tagħhom. Parti mill-kors tagħhom għandhom it-teaching practice kemm ta’ 4 ġimgħat kif ukoll ta’ 8”

Justyne Caruana  insistiet li dan kollu huwa parti mill-kors tagħhom filwaqt li f’kontradizzjoni sħiħa l-ewwel saħqet li hemm biżżejjed għalliema imbgħad kompliet tgħid li spiċċaw mingħajr għalliema minħabba l-unjins.

“Għalliema kien hemm aktar minn biżżejjed, konna preparati pero ovjament inqalgħu d-direttivi tal-unions”

Madanakollu insistiet li soluzzjonijiet qed jinstabu…

 “Perfetti m’aħniex imma ovjament…skont iċ-ċirkustanzi li jinqalgħu qed niprovaw insibu l-aħjar soluzzjonijiet”

…bis-soluzzjoni tkun li l-istudent teachers, jitqiegħdu fi klassijiet mingħajr edukaturi…dan għaliex skont il-Ministru fl-aħħar mill-aħħar din hija t-tip ta’ sfida li se jħabbtu wiċċhom magħha fid-dinja tax-xogħol.

“Ifhimni biex inti tipprepara professjonisti trid tippreparahom u jridu jippreparaw huma wkoll..meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol dat-tipi ta sfidi se jiltaqgħu magħhom”

Mistoqsija min se jkun qed jerfa’ r-responsabbilità għal dan kollu…il-Ministru Caruana farfritha fuq il-Covid.