Wara xahar ieħor jaħrab milli jwieġeb dwar l-aġir tiegħu relatat mal-ftehim kundannat mill-Awditur Ġenerali tal-Electrogas…għada mistenni jwieġeb għad-domandi quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista, id-Deputat Parlamentari Konrad Mizzi.
Madanakollu, minkejja li b’mod unanimu tkeċċa fuq il-karta mill-Partit Laburista, l-istess partit li għollieh fuq l-idejn waqt li l-Partit Nazzjonalista kien jisħaq f’liem għawġ l-aġir tiegħu kien se jdaħħalna fih, xorta waħda l-membri tal-kabinett ta’ Robert Abela għadhom qed iħossuhom skomdi jwieġbu dwaru.
Dan hekk kif wara li l-membri tal-Gvern tal-Labour ma kkundannawx l-aġir ta’ Mizzi li għal darba tnejn ma resaqx quddiem il-PAC ..Net News staqsa lill-Membru tal-Kabinett ta’ Abela li kien ukoll spalla ma’ spalla ma’ Konrad Mizzi taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Josè Herrera li filwaqt li insista li l-eks Ministru għandu jidher quddiem il-PAC…mhux se jindaħallu x’pariri legali jieħu.
Dan filwaqt li l-Ministru Herrera insista li l-Partit Laburista mhux jaqbeż għal Mizzi minkejja li l-midja Laburista għadha tqis il-protesti fil-konfront ta’ Konrad Mizzi bħala attakk fuq il-Gvern.
Intant huwa insista li jekk għada l-affarijiet jibqgħu l-istess u jerġa ma jidhirx quddiem il-PAC….il-pożizzjoni tiegħu għandha tiġi kkunsidrata.