Diversi atleti Maltin bdew l-impenji internazzjonali tagħhom b’kamp ta’ taħriġ intensiv f’Formia l-Italja. Il-kamp ta’ taħriġ qed jitmexxa mill-konsulent tal-Athletics Malta Antonio Laguardia u d-Direttur Tekniku Mario Bonello.
Matul is-seba’ t’ijiem ta’ taħriġ, it-13-il atleta qed jaħdmu ma wħud mill-aqwa kowċis f’dan l-isport, fosthom Vitaly Petrov, li fil-karriera tiegħu kkowċja diversi atleti ta’ suċċess fosthom Sergei Bubka, li kiser ir-rekord tal-Pole Vault 35 darba, u Yelena Isinbayeva, li rebħet darbtejn il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi.
B’kollox matul dan l-istaġun Athletics Malta għandha program ta’ ħames kampijiet ta’ taħriġ biex l-atleti Maltin jitħejjew tajjeb għal staġun mimli impenji internazzjonali tal-għola livell, fosthom Kampjonati Dinjija u Ewropej kif ukoll Logħob tal-Commonwealth u tal-Mediterran.
Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech, li qed imexxi d-delegazzjoni f’Formia qal, “Filwaqt li l-assoċjazzjoni tagħna se tkompli torganizza taħriġ simili barra l-pajjiż biex nagħtu lill-atleti tagħna aċċess għall-aqwa faċilitajiet, fl-istess ħin qed ninvestu f’pajjiżna biex kampijiet ta’ taħriġ bħal dawn isiru lokalment ukoll. F’dan il-kuntest, Athletics Malta għadha kif iffinalizzat il-pjanijiet għal refurbishment fuq skala iżgħar tal-Istadium Matthew Micallef St John, proġett li huwa fundamentali kemm biex niżviluppaw it-talent lokali.”
//= $special ?>