Lokali Qorti

Każ ta’ Direttur ta’ kumpanija tal-armar li kkollassa u ħalla tfajla paralizzata jrid jerġa’ jinstema’ mill-ġdid

Il-Qorti ordnat li każ fil-konfront tad-direttur tal-kumpanija li nstab responsabbli għall-kollass tal-armar 13-il sena ilu fejn kienu weġġgħu xi nies waqt party jerġa’ jinstema’ mill-ġdid. Imħallef ordna li l-każ fil-konfront ta’ Maurice Attard li spiċċa l-ħabs wara li ġie ddikjarat responsabbli għal inċident li seħħ fl-2008 li fih żagħżugħa li kienet sejra party spiċċat paralizzata wara li waqa’ fuqha armar tad-dawl.

Maurice Attard ta’ Sonlit Ltd kien ġie kkundannat 10 xhur ħabs għal negliġenza kriminali u li kkawża feriti gravi fl-2016. Sonlit Ltd kienet ġiet sottokuntrattata biex tinstalla apparat li jissapportja struttura u li minnu kien sospiż tagħmir tad-dawl, f’diskoteka pubblika fil-miftuħ f’parkeġġ f’żona f’San Pawl il-Baħar.

Hekk kif il-party kien ilu sejjer tliet sigħat wara, fost irjieħ qawwijin, dawn kienu kkawżaw li l-istruttura u l-spotlights tqal waqqgħu, u weġġgħu tmien persuni. Vlada Kravchenko (ritratt) kellha biss 17-il sena meta sofriet korriment fis-sinsla tad-dahara bħala riżultat tal-kollass, u issa tinsab f-siġġu tar-roti wara li spiċċat paralizzata minn qadda l-isfel.

Iż-żagħżugħa Ukrena kienet għada kif waslet għall-party meta waqa’ l-armar. Attard kien ressaq appell kontra l-kundanna tiegħu, fejn argumenta fost l-oħrajn li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx staqsietu jekk jixtieqx li jiġi ġġudikat b’mod sommarju jew quddiem il-Qorti Kriminali – punt importanti ta’ proċedura.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu quddiem il-qorti tal-appell, l-Avukat Ġenerali kkonferma li ma kienitx saret din il-mistoqsija, iżda sostna li dan ma jwassalx għan-nullità tal-proċeduri minħabba li d-difiża ma kinitx qajmetha quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, li kienet kompliet tisma’ l-provi kollha fil-każ, inkluż ix-xhieda tal-akkużat innifsu.

L-Imħallef Giovanni Grixti, li jippresiedi l-qorti tal-Appell Kriminali, innota li fiż-żmien tal-kundanna ta’ Attard, il-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati kienet żdiedet, li tippermettilha tisma’ kawżi punibbli sa sentejn ħabs. Il-qorti kienet bdiet tiġbor il-provi fil-każ tar-raġel peress li inizjalment ma kellhiex il-kunsens tal-Avukat Ġenerali biex tisma’ l-każ b’mod sommarju.

Meta l-AĠ, eventwalment, talab li l-każ jiġi ġġudikat sommarju, il-qorti kienet legalment obbligata li tistaqsi lill-akkużat jekk kellux xi oġġezzjoni għal dan. Attard allega li qatt ma saritlu din il-mistoqsija. Il-prosekuzzjoni sostniet li dan il-kunsens kien suġġerit, peress li mhux biss kien ħalla l-proċeduri jkomplu, iżda kien xehed fihom ukoll.

Waqt li ddeċieda l-każ, l-imħallef saħaq li l-ewwel qorti kellha tistaqsi lill-akkużat jekk tax il-kunsens tiegħu għal proċeduri sommarji jew le. Din il-formalità essenzjali ma setgħetx tiġi njorata, qal l-imħallef, li spjega li n-nuqqas tagħha kien fatali għall-każ. L-Avukat Giannella De Marco dehret bħala avukat difensur ta’ Attard.