Lokali

Konrad Mizzi jiddeskrivi l-korruzzjoni fis-settur tal-enerġija bħala”trasformazzjoni”

Il-Gvern tal-Labour wettaq “trasformazzjoni fis-settur tal-enerġija.”

Hekk iddeskriva l-korruzzjoni lampanti f’dan is-settur l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Konrad Mizzi meta permezz ta’ post fuq Facebook – ftit sigħat ‘il bogħod minn meta suppost se jwieġeb quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi wara xahar sħiħ jaħrab milli jagħmel dan b’xi skuża jew oħra.

Mizzi saħaq li bħala poplu “qed ingawdu minn kontijiet irħas” meta fil-verità r-realtà kulħadd qed jgħixa u jafha…b’kontijiet li qed jiżbqu sew l-ammonti tas-sena preċedenti. Dan konxju minnu wkoll il-Gvern ta’ Robert Abela fejn wettqu ammissjoni li hemm anomalija li qed tissarraf f’serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iżda li ma taw ebda indikazzjoni li dawn il-flejjes tal-ewro misruqa minn but il-poplu se jingħataw lura.

Konrad Mizzi, l-istess persuna li l-ewwel kien mqiegħed fuq l-idejn mill-Partit Laburista imbgħad fuq il-karta mormi minnhom, jiddeskrivi d-deal kundannat ukoll mill-Awditur Ġenerali bħala dak li wassalna għat-trasformazzjoni.

L-istess ftehim li rabat il-pajjiżna bi ftehim mas-Socar, li wassal sabiex il-powerstation – is-sors ewlieni tal-enerġija f’pajjiżna – tkun is-simbolu tal-korruzzjoni rampanti li kien hemm fil-kuriduri ta’ Kastilja.

F’dawn l-aħħar xhur ġie spjegat kemm-il darba kif il-Gvern, grazzi għal dan il-ftehim li tant jiftaħar bih Konrad Mizzi, spiċċa jħallas €40 miljun żejda…fis-sena, flus li faċilment setgħu marru f’but iċ-ċittadin.

Ġie spjegat li l-Gvern Laburista rabatna biex nixtru 70-80% li tipproduċi l-Electrogas. Din ir-rabta tfisser li aħna qed inħallsu anke meta ma nużawx l-enerġija ġġenerata mill-Electrogas.