Lokali Qorti

Mewġa ta’ serq minn fuq anzjani f’darhom wara li jintalbu jixtru biljetti tal-prima

Numru ta’ anzjani qegħdin jispiċċaw vittmi ta’ serq minn individwi li jmorru jħabbtulhom l-bieb u jitolbuhom biex jixtru biljett tal-prima. Hekk kif ikunu se jagħtuhom il-flus, il-ħalliel jispiċċa jisraqhom u jaħrab minn fuq il-post. Dan is-serq minn fuq l-anzjani qed isir f’diversi lokalitajiet fejn dan l-aħħar anzjani fil-Mellieħa u Birkirkara qegħdin ikunu l-vittmi.

Nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ottubru, fid-dawl tax-xemx anzjan ta’ 95 sena – li jgħix waħdu safa vittma ta’ serqa meta raġel b’daqna ħafifa ħabbatlu il-bieb u qallu biex jieħu mingħandu xi biljetti li kellhom jitilgħu l-għada s-Sibt. Ir-raġel ħabbat fuq il-bieb tal-anzjan għall-ħabta tas-1.15pm. Dan qallu li qed ibiegħ il-biljetti għal xi tfal.

X’ħin l-anzjan qallu li kien se jġiblu l-flus, il-ħalliel baqa’ dieħed warajh, bl-anzjan joffrielu ħames ewro għal tliet biljetti. Ir-raġel qallu li dawn ma kienux biżżejjed, u kif l-anzjan mar biex jagħtih xi ħaġa oħraq tal-flus, flus li kienu fejn huwa jpoġġi l-pensjoni tiegħu, l-ħalliel ħataflu 700 ewro minn idejh u ħareġ jiġri sparat il-barra.

Serqiet simili saru minn fuq anzjani fil-Mellieħa. Mara anzjana fetħet il-bieb ta’ barra wara li ħabtilha raġel lil qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Qalilha li jekk tagħtih bħal speċi donazzjoni u taċċetta kien se jagtħiha biljett tal-lotterija. Kif daħlet ġewwa biex iġiblu l-flus, ir-raġel baqa’ dieħel warajha. Kif ratu warajha hija għajtet lil żewġha. Kif dan induna li l-anzjana mhijiex waħedha, huwa ħareġ jistenniha barra fejn il-bieb.

Hija tagħtu ħames ewro, bir-raġel iweġibha – ‘daqshekk biss għall-missjoni – messek tistħi.’ u hi qaltlu li daqshekk kellha flus u telaq ‘l hemm. Anzjana oħra fil-Mellieħa ġarrbet l-istess esperjenza, din id-darba meta kienet miexja barra t-triq. Hawn waqqafha raġel u qalilha li kien qed jiġbor flus għall-missjoni. Hekk kif mill-portmoni ħarġet 25 ewro, dan ħatafhomla u ħarab minn fuq il-post.

Ħafna mill-anzjani li sfaw misruqa għamlu rapport lill-Pulizija fejn dawn qegħdin jinvestigaw u anke qegħdin jiġbru diversi filmati ta’ CCTV’s li jinsabu fl-inħawi ta’ fejn saru s-serqiet. Il-Pulizija qiegħda tappella biex anzjani li għadhom jgħixu fir-residenza tagħhom, l-aktar dawk li jgħixu waħedhom, għall-ebda raġuni m’għandhom jafdaw u jaqbdu u lil xi ħadd li ma jafuħx. U jiftħu biss meta jkunu ċerti li marru għandhom membri tal-familja jew nies li jafu.