Lokali

RITRATT: Ħaddiem jaqa’ minn għoli wara li ċeda saqaf f’Tas-Sliema

Ftit tal-ħin ilu, il-Pulizija ġew imsejjħa fiz-zona ta’ Għar id-Dud f’Tas-Sliema wara li raġel ta’ 59 sena waqa’ minn għoli wara li ċeda saqaf ta’ binja li għaddej xogħol fiha.

Il-każ jidher li seħħ għall-ħabta tal-11:15am, u fil-post waslu wkoll uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Net News hu infurmat li saret ħidma mis-CPD fi Triq it-Torri, u fil-post waslet wkoll ambulanza.

Aktar tard, il-vittma kellu jitniżżel permezz ta’ tower ladder mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. L-ambulanza ħadet lill-vittma l-isptar bil-kundizzjoni tiegħu għad trid tiġi stabbilita. Ħaddiem ieħor li kien fuq il-post jidher li ma ġarrab ebda ġrieħi.

It-toroq fl-inħawi għal xi ħin kienu magħluqa għat-traffiku.