- David Agius, Viċi Kap Nazzjonalista
David Agius, il-Viċi Kap Nazzjonalista, beda biex tkellem fil-parlament dwar il-lifts fi blokki tal-appartamenti li tagħhom l-Awtorità tad-Djar hi responsabbli minn u qal li f’diversi lokalitajiet hemm sitwazzjoni ta’ residenti litteralment maqbuda ġewwa għaliex il-lift tal-blokka ma hux jiffunzjona.
Din hi sitwazzjoni li qed tirrepeti ruħha f’lokalitajiet bħal San Ġwann, il-Mosta u f’tant postijiet oħrajn.
David Agius qal li f’San Ġwann hemm sitwazzjoni ta’ blokka ta’ appartamenti tal-Gvern u n-nies qed ikollhom jgħixu f’sitwazzjoni ta’ drenaġġ u rwejjaħ kbar iżda l-Awtorità tad-Djar taf bis-sitwazzjoni iżda sa issa baqgħet ma għamlet xejn biex dawn ir-residenti ma jibqgħux jgħixu fid-drenaġġ u fl-irwejjaħ kbar ta’ drenaġġ.
Hu qal li każ ieħor hu fil-Mosta fejn fi blokka ta’ appartamenti tal-Gvern tħaffret ħofra biex fiha jkun stallat lift iżda baqa’ ma sar xejn u persuna tista’ taqa’ għal isfel u tibqa’ tal-post. Ħallea bokka miftuħa sa minn Settembru li għadda. L-istess storja f’San Ġwann ta’ anzjani li spiċċaw bla aċċess għar-residenzi tagħhom fis-sulari ta’ fuq. Għaliex mhux kulħadd jista’ jitla’ jew jinżel it-taraġ.
Ħal Lija – blokka wkoll tista’ taqa’ għal isfel. Ir-residenti qed iċemplu u ma jiġri xejn. Fejn hi s-Saħħa fil-postijiet biex nassiguraw li ħadd m’hu fil-periklu. Hawn sitwazzjoni ta’ nies morda maqfula fl-appartamenti tagħhom. Għaliex dan kollu?
David Agius appella lill-Awtorità tad-Djar biex tindirizza bis-serjetà din is-sitwazzjoni. “Araw x’inhuma l-problemi mal-kuntratturi biex insibu s-soluzzjonijiet għaliex hawn ħafna nies li qed ibatu.
Mara b’tifla b’diżabbiltà ddum tliet snin biex tieħu kamra tal-banju walk-in u finalment tingħata biss parti żgħira ħafna mill-ispiża. Għaliex il-Gvern m’hux jagħti każ ta’ dawn it-tbatijiet.”
Hu qal li mela l-Gvern Laburista ma jiddejjaq xejn li jagħti d-direct orders bl-addoċċ, iżda mbagħad fejn hemm ir-raġunijiet biex jittaffew it-tbatijiet tan-nies u tar-residenti, il-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh.
L-Awtorità tad-Djar trid tindirizza l-problemi tan-nies biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Tkellem ukoll dwar il-kontijiet tal-kirjiet u qal li ħafna familji għaddejjin minn tbatijiet serji ħafna għaliex ma jistgħux ilaħħaqu mal-ispejjeż kbar li għandhom.
“Il-Ministru Galdes m’għandux ikun kuntent bil-vot ta’ €40 miljun. Dan hu vot redikolu ħdejn il-bżonnijiet li hawn fil-pajjiż. Jaqaw il-Ministru ma jafx li l-appartamenti tal-Imsida għadhom ’il bogħod ferm milli jkunu lesti? Tassew sitwazzjoni tal-mistħija.”
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern inaqqas it-tbatijiet tan-nies għaliex lin-nies jgħixu ħajja ta’ kwalità ferm aħjar milli qed jgħixu llum, temm il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>