Futbol Sport

Ronaldo jsalva draw għal Man Utd… Rebħiet għal Bayern u Juventus

(Ritratt: EPA)

Man Utd kisbu draw importanti ta’ 2-2 barra minn darhom għand Atalanta fl-aħħar minuti tal-partita. Kienu Atalanta li fetħu l-iskor fit-12-il minuta meta minn cross fil-baxx ta’ Duvan Zapata kien Josip Ilicic li għeleb lil David De Gea, li min-naħa tiegħu ma żammx tajjeb il-ballun għal 1-0. Minkejja dan, Man Utd kisbu l-gowl tad-draw fil-ħin mogħti żejjed ta’ tmiem l-ewwel taqsima meta wara azzjoni maħduma tajjeb, Bruno Fernandes għadda lejn Cristiano Ronaldo, li mill-viċin ma żbaljax għal 1-1. Iżda Atalanta reġgħu marru fil-vantaġġ meta minn pass ta’ Jose Luis Palomino kien Duvan Zapata li kkonkluda fil-lasta, bil-gowl jingħata wara konsultazzjoni mal-VAR. Iżda hekk kif Atalanta dehru li se jirbħu l-partita, fid-89 minuta reġa’ kien Cristiano Ronaldo li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil goalkeeper ta’ Atalanta u salva draw mportanti għal Man Utd.

Bayern Munich għelbu b’faċilita’ lil Benfica 5-2 u saru l-ewwel tim li għadda għal fażi tal-aħħar sittax. Bayern Munich fetħu l-iskor fis-26 minuta meta minn cross ta’ Kinsley Coman kien l-attakkant prolifiku Robert Lewandowski li bir-ras tefa’ fix-xibka. Iċ-champions Ġermaniżi rdoppjaw sitt minuti wara meta din id-darba kien Robert Lewandowski li għadda lejn Serge Gnabry, li b’eleganza kkonkluda fix-xibka. Madanakollu Benfica naqqsu d-distakk fit-38 minuta meta minn cross ta’ Alex Grimaldo kien Morato li bir-ras ikkonkluda fil-lasta. Bayern Munich għamluhom tlieta fid-49 minuta meta kien Leroy Sane li b’volley mill-isbaħ għeleb lill-goalkeeper ta’ Benfica għal 2-1. Bayern skorjaw ir-raba’ gowl fil-61 minuta meta Robert Lewandowski sab ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ Benfica u kkonkluda fil-lasta għal 4-1. Benfica reġgħu naqqsu l-iskor fl-74 minuta meta minn pass ta’ Joao Mario kien Darwin Nunez li xeħet fix-xibka għal 4-2. Bayen Munich żiedu l-ħames gowl fl-84 minuta permezz ta’ Robert Lewandowski li għaqqad tripletta personali.

Minn Grupp H Juventus ukoll ikkwalifikaw għall-fażi tal-aħħar sittax hekk kif kisbu rebħa ta’ 4-2 f’darhom kontra Zenit biex pattew għad-disfatta li kellhom fis-Serie A. Juventus marru fil-vantaġġ fil-11-il minuta meta Matthijs de Ligt ra t-tentattiv tiegħu blokkat, b’Paulo Dybala japprofitta u jitfa’ fix-xibka għal 1-0. Minkejja dan Zenit kisbu l-gowl tad-draw fis-26 minuta hekk kif minn cross ta’ Vyacheslav Karavaev kien Leonardo Bonucci li tefa’ fil-lasta tiegħu stess għal 1-1. Iżda Juventus irreaġixxew fit-tieni taqsima hekk kif fit-59 minuta reġa’ kien Paulo Dybala li minn penalty rdoppja għal Juventus. Biex fl-74 minuta Juventus skorjaw it-tielet gowl meta minn pass ta’ Federico Bernardeschi, kien Federico Chiesa li tefa’ fix-xibka għal 3-1. Juventus skorjaw ir-raba’ gowl fit-82 minuta permezz ta’ Alvaro Morata. Zenit naqqsu d-distakk fit-92 minuta meta minn pass ta’ Artem Dzyuba kien Sardar Azmoun li kkonkluda fix-xibka għal 4-2.

Fi Grupp H Chelsea kisbu rebħa minima ta’ 1-0 barra minn darhom għand Malmo. Il-gowl uniku tal-partita wasal fis-56 minuta meta minn cross ta’ Calum Hudson-Odoi kien Hakim Ziyech li minn qagħda tajba tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 1-0.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Illum: Bayern M. v Benfica 5-2, D.Kiev v Barcelona 0-1, Atalanta v Man Utd 2-2, Villareal v Young Boys 2-0, Wolfsburg v Salzburg 2-1, Sevilla v Lille 1-2, Malmo v Chelsea 0-1, Juventus v Zenit 4-2 Għada; Man City v C. Brugge 9.00pm Leipzig v PSG 9.00pm, Milan v Porto 6.45pm, Liverpool v A.Madrid 9.00pm, B.Dortmund v Ajax 9.00pm, Sporting v Besiktas 9.00pm, R.Madrid v Shaktar D. 6.45pm, Sheriff v Inter 9.00pm