Lokali Unjoni Ewropea

David Casa nominat fuq l-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa nħatar fid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Renju Unit, bħala membru sħiħ tal-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Din hi delegazzjoni uffiċjali ġdida li se jkollha rwol importanti fit-tfassil tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara l-Brexit.

L-MEP Casa ġie nnominat mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew. Hu wieħed mid-disa’ membri tal-Grupp tal-PPE u l-uniku MEP Malti li hu membru sħiħ tad-delegazzjoni.

Id-delegazzjoni tfisser li l-membri jissieħbu fl-assemblea bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, li ġiet approvata b’maġġoranza kbira mill-Parlament Ewropew.

“Din l-Assemblea hi pass importanti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara l-Brexit. Se jkollha rwol kruċjali biex tara kif il-ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit qed jiġi implimentat.”

David Casa kien qed jirreferi għall-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, fi kliem ieħor il-ftehim tal-Brexit, li hu ftehim internazzjonali voluminuż bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, li sar wara negozjati intensi u attenzjoni internazzjonali għal diversi xhur. Dan il-ftehim jiddetermina r-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Hu spjega li d-delegazzjoni għadha kif inħatret, u li l-House of Commons għad trid taħtar id-delegati tagħha. Hu qal li d-delegazzjoni għandha taħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fil-Partnership Council fuq l-akbar sfidi li jeżistu fir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

“Id-delegazzjoni se ssaħħaħ il-koperazzjoni u li twassal għall-vantaġġi fuq iż-żewġ naħat. Jien ħerqan biex nirrapreżenta l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Ewropej fuq iż-żewġ naħat tal-Kanal Ingliż.”