Edukazzjoni Lokali Saħħa

Gvern Nazzjonalista jikkometti ruħu li jħares l-isfidi fl-edukazzjoni u fis-saħħa tal-istudenti

Budget li naqas milli jindirizza l-isfidi tal-lum u t'għada

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed ifassal il-politika tiegħu biex tissaħħaħ l-edukazzjoni f’pajjiżna fejn isir investiment xieraq fil-professjoni tal-għalliema u l-edukaturi.

Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli u l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar, fejn saret enfasi li PN fil-Gvern se jkun qed jikkometti ruħu li jħares l-isfidi fl-edukazzjoni u fis-saħħa tal-istudenti.

Fil-messaġġ li għadda, Clyde Puli qal l-PN se jkun qed iħares li jżid il-pagi tal-għalliema u l-edukaturi, iżda mhux biss ikun hemm tisħiħ finanzjarju, iżda li jsir investiment xieraq fil-persuni li jsawru s-soċjetà ta’ għada.

“L-istrateġija tagħna għall-edukazzjoni se tkun mibnija fuq pilastru ewlieni, l-għalliem, l-edukatur”

Apparti żieda fil-pagi għall-għalliema, il-PN nieda wkoll għadd ta’ proposti għal dan is-settur, inkluż, żieda fl-istipendji b’25% għall-istudenti li qed jaspiraw li jsiru għalliema, tim ta’ professjonisti f’kull skola li jħarsu l-benesseri tal-għalliema u anki tal-istudenti u li l-istudenti ta’ bejn il-11 u l-15-il sena jingħataw tablet jew laptop biex ikollhom aktar għajnuna biex iwettqu x-xogħol tal-iskola, wegħda li kienet diġà fil-programmi elettorali tal-PN tal-2013, u l-2017.

Ir-rata tat-tfal tagħna tibqa’ fost l-ogħla fid-dinja fejn tidħol l-obeżità u piż żejjed

Robert Cutajar min-naħa tiegħu qal li sfortunatament il-budget naqas milli jindirizza għadd ta’ setturi, inkluż dak tas-saħħa fl-istudenti. Min-naħa l-oħra l-PN saħħaħ il-ħidma tiegħu f’dan is-settur u nieda għadd ta’ proposti.

“Wegħda tal-PN, l-aċċess tal-ilma b’xejn, f’kull skola, għal kull età, l-eżerċizzju fiżiku, kemm primarji u kemm sekondarji, aħna qed ngħidu li jrid isir l-eżaerċizzju biex nsaħħa saħħet uliedna u nnaqqsu l-obeżità”

Huwa qal li l-Gvern baqa’ jittratini anki biex iwettaq proġetti b’rabta mas-saħħa ta’ uliedna. Huwa tenna li Gvern ġdid Nazzjonsalista se jkun qed iressaq pjan b’viżjoni li jpoġġi s-saħħa ta’ uliedna fi prijorità.