- Edwin Vassallo, Deputat Nazzjonalista
Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal fil-parlament li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-bdiewa, tas-sajjieda u r-raħħal se jkun favur it-tiġdid tal-prinċipji tas-sostenibbiltà, ir-riġenerazzjoni u li nsalvaw il-provvista tal-ikel frisk.
Il-Gvern Laburista lil dan is-settur qatt ma tah importanza tant li llum dan is-settur qed isibiha diffiċli biex ikampa għaliex m’hux jara valur fix-xogħol tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jrid li dawk kollha involuti f’dawn is-setturi jsibu sens fix-xogħol tagħhom biex tal-inqas jaqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum. Minħabba s-sitwazzjoni kif inhi kull sena l-pajjiż qiegħed dejjem jitlef mill-bdiewa, mis-sajjieda u mir-raħħala li għandna.
Irridu naħdmu biex wara li nagħmlu x-xogħol ta’ dawn in-nies sostenibbli, allura wliedhom jagħmlu kuraġġ u huma wkoll jibqgħu jgħixu f’dan ix-xogħol. Illum hawn bdiewa li huma inkwetati għaliex uliedhom iridu jibqgħu jgħixu minn fuq ir-raba’ u huma inkwetati għaliex jafu kemm sagrifiċċji u kemm ir-ritorn hu ftit li xejn.
Il-Gvern Laburista mhux veru qed jgħin biex il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala tagħna jkollhom is-setturi tagħhom imtejba.
F’dan il-mument wieħed idur fuq il-Gvern Laburista u jistaqsuh x’għamel b’mod konkret biex isalva l-ikel frisk. Il-bdiewa jitkellmu dwar kif f’pajjiżna minn problema waħda qegħdin nidħlu fi problema oħra.
Nifhmu li s-suq isuq u li l-kompetizzjoni hi ħarxa, iżda l-Gvern qiegħed hemm biex jagħti direzzjoni u biex jiffaċilità l-affarijiet. Fil-verità għandna Gvern nieqes mir-rieda u nieqes mill-abbiltà.
Jekk il-Gvern mhux se jsalva l-ikel frisk Malta, allura l-pajjiż se jkun falla miegħu nnifsu. L-akbar kriżi li għandu dan il-Gvern hu li mahux kapaċi jħares lejn ir-realtà u jifhem li għandna kriżijiet kbar f’dan is-settur. Il-Gvern ma jaċċettax li l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala m’għandhomx xogħol sostenibbli; li dawn qed jiffaċċjaw il-problema tar-riġenerazzjoni għaliex iż-żgħażagħ m’humiex interessati jidħlu għal dawn it-tbatijiet u mbagħad meta jiġi biex isalva l-ikel frisk Malta kulħadd isib baħħ għaliex il-Gvern hu għal kollox assenti.
Edwin Vassallo qal li l-Malta li rridu għal uliedna hi waħda li ma titlifx il-provista tal-ikel frisk. Xi ħadd jimmaġina li f’pajjiżna nitilfu l-provista tal-ikel frisk? X’inhu jagħmel b’mod ta’ veru l-Gvern dwar dan?
Il-poplu ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem dawn il-problemi. Il-poplu ma jistax jiddependi mill-importazzjoni tal-prodotti. Jaf il-poplu Malti li nistgħu nitilfu l-ħalib frisk u flok nibdew nixorbu l-ħalib ling-life? Il-poplu jaf li nistgħu naslu fi stat li għall-ħaxix u l-frott ikollna niddependu fuq dak miġjub minn barra, fosthom minn Sqallija? Dan id-diskors jgħodd ukoll għall-ħut, għat-tiġieġ, il-bajd u għal-laħam? Irridu lkoll kemm aħna li nispiċċaw f’din is-sitwazzjoni fejn il-prodott Malti jispiċċa?
Alla ħares jasal iż-żmien li lill-Maltin u lit-turist nibdew noffrulhom biss il-prodott friski importati minn barra. Din hi r-realtà iżda l-Gvern ma hux konxju minn din is-sitwazzjoni tant serja u gravi. Għandna Gvern li quddiem dankollu m’għandu l-ebda direzzjoni.
Il-politika tal-Gvern hi li jħalli kollox jidħol fil-pajjiż bir-riżultat li flok il-prodotti raħsu, il-bidwi qed jaqta’ qalbu, is-sajjied qed jonqos milli joħroġ jistad u r-raħħal ma jibqax idaħħal il-prodotti tiegħu fil-Biċċerija Maltija. Qed nimportaw kollox u bl-addoċċ. Barranin li saħansitra jiddampjaw il-prodotti tagħhom hawnhekk u sadattant il-bidwi Malti jkollu d-dħul tiegħu maħnuq.
Edwin Vassallo qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jogħġob lil kulħadd. Lill-bidwi Malti l-Gvern ma jistax jibqa’ jkissru. Ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ għaddej bil-politika li tkisser lis-sajjieda u lir-raħħala billi dak kollu li hu Malti qed jinqered u jitkisser.
Tkellem dwar ir-raba’ tagħna u qal li l-bidwi Malti qed jikkompeti mar-raba’ li qed tinbiegħ biex fihom isiru l-barbeques. Il-bidwi mhux qed ikun protett quddiem dan il-frakass. L-istess Gvern sadattant qed ibiegħ ir-raba’ tiegħu bi prezz kummerċjali u l-bidwi ma jiffigura mkien.
Hu qal li filwaqt li r-raħħal kienu minsija kompletament f’dan il-Baġit, is-sajjieda qed iħossuhom mhedda mill-pontoons li jrid jagħmel il-Ministru Ian Borg li l-ewwel qered is-siġar li kellna f’pajjiżna u issa bi ħsiebu jeqred il-bajjiet billi jimplihom bil-pontoons.
Edwin Vassallo tkellem ukoll dwar il-part-timers u rringrazzjahom għax-xogħol tagħhom, iżda qal li pajjiżna ma jistax jiddependi biss minn fuq il-part-timers.
Dwar ir-raħħala, Edwin Vassallo fisser li dawn qed jiffaċċaw prezzijiet dejjem ogħla fil-ġwiż u l-ikel lill-annimali. X’qed jagħmel il-Gvern biex jgħinhom? Ir-raħħal irid jara kif se jġib l-aħjar prezzijiet biex forsi jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jkollu, iżda sadattant qed nimportaw bix-xejn u r-raħħal jispiċċa ma jistax jifdi l-prezzijiet tiegħu.
Hu qal li f’pajjiżna għandna problemi serji ta’ ilma fejn għandna seba’ xhur ta’ deżert.
Il-Gvern għandu jippromwovi bis-serjetà l-ikel frisk Malti.
L-importazzjoni tal-ikel hi dejjem importanti għal pajjiżna, iżda tajjeb li kollox isir bil-għaqal.
Il-Pitkalija tibqa’ fl-istess stat tagħha minkejja l-ħafna wegħdi ta’ rinnovamenti u tiġdid u riformi… u sadattant is-serq għadu għaddej. Ebda ppjanar serju għall-Pitkalija.
Dwar il-protezzjoni lis-sajjieda fl-ibħra internazzjonali s-sajjied Malti ma jħossu qatt protett. Fejn hu l-Gvern? Fejn hi l-Armata?
Tkellem dwar ir-riforma fil-Biċċerija u qal li l-Gvern ġab lil dawn il-postijiet fuq għarkubbtejhom u fost dawk li qed ibatu hemm anki l-mara tad-dar.
//= $special ?>