Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandu jagħmel l-ebda kompromessi fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali… iz-zoos għandhom jingħalqu

  • Mario Galea, Deputat Nazzjonalista

Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal fil-parlament li jkun żball kbir jekk xi ħadd jipprova jippolitiċċizza s-settur tad-drittijiet, it-trobbija u s-saħħa tal-annimali.

Wasal iż-żmien li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali jkollha aktar poteri eżekuttivi. Din għandha bżonn ta’ aktar riżorsi umani għaliex minkejja li jidħlulha għadd ġmielu ta’ rapporti u li jridu jkunu investigati fil-postijiet indikati, qed jiġri li din m’għandhiex riżorsi umani biżżejjed biex taħdem.

Mario Galea ikkundanna kull abbuż fil-konfront tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali u qal li kull abbuż għandu jkun investigat minnufih u bla ħala ta’ żmien.

Hu qal li Alison Bezzina fil-kariga tagħha ta’ Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali tat ħafna leħen lill-annimali u jalla dan ix-xogħol tajjeb jissokta.

Il-krudeltà tal-annimali naqset ħafna, iżda xorta waħda fadal ħafna xi jsir. Għandu jkun hawn kontroll strett fir-rigward ta’ dawk li jrabbu lill-annimali biex ikollhom iż-żgħar minnhom għal skop ta’ bejgħ.

Anki l-Pulizija għandha tieħu l-passi fil-konfront ta’ min jara jikser il-liġi għaliex ma jkunx qed jitratta l-annimali sew.

Anki l-Qrati għandhom jagħtu sentenzi severi fir-rigward tal-moħqrija tal-annimali. Ċerti sentenzi li jingħataw inisslu rabja kbira.

L-annimali qatt m’għandhom jintużaw għall-pjaċir tan-nies. Ma jagħmilx sens li jingħataw permessi għaz-zoo f’pajjiżna. U ċerti annimali li għandna f’pajjiżna u li jinsabu fir-riskju li jispiċċaw minn wiċċ id-dinja, kif jista’ jkun li spiċċaw hawnhekk.

Aħbar interessanti li għadha qed timmatura hi dwar xi ħadd li jrabbi l-iljuni fil-basement tiegħu.

Issa anki sriep velenużi qed jiddaħħlu f’Malta u qisu m’hu qed jiġri xejn.

Mario Galea tajjeb li xi ħadd jagħmel il-mistoqsija dwar x’jiġi l-ewwel: il-voti jew il-ġlieda kontra l-moħqrija tal-annimali.

Hu temm jappella lil dawk kollha li jħobbu l-annimali biex ma jżurux iz-zoos u fejn jinżammu l-annimali eżotiċi. L-esplojtazzjoni tal-annimali għandha tinqata’ darba għal dejjem.

Tkellem ukoll dwar il-pet shops u staqsa fejn huma l-istandards li suppost għandhom ikunu kkonservati.

Filwaqt li qal li l-qtates m’għandhomx jintużaw bħala mezz biex jinqabdu l-ġrieden u allura jkun hemm min ma jitmax lill-qtates.

Hu qal li għandha ssir riforma għar-rigward ta’ kif jaħdem l-Animal Walfare. Dan id-Direttorat għandu bżonn ta’ aktar riżorsi umani u l-istess ħaddiema għandhom ikunu mgħammra b’body cams. Hemm bżonn wkoll ta’ aktar riżorsi bħal ambulanzi u ta’ aktar apparat li jirrifletti l-bżonnijiet tal-lum.

Temm jitkellem dwar l-għaqdiet volontarji li jaħdmu fost l-annimali u qal li l-Gvern għandu japprezza ħafna x-xogħol li qed iwettqu dawn is-santwarji.

Għandu jkun hemm kontroll fuq il-prezzijiet tal-mediċini fejn hemm suspetti serji dwar prezzijiet esaġerati.