Lokali Qorti

Illiberat bil-kundizzjoni wara li ttanta jisraq minn ħanut

Raġel ta’ 42 sena minn Ħal Qormi ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet xhur wara li nstab ħati li fil-11 ta’ Jannar tas-sena l-oħra pprova jisraq flixken tax-xorb minn ħanut u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq sid il-ħanut li pprovat twaqqfu.

Darren Brincat instab ħati li wettaq dawn ir-reati f’Ħal Qormi stess għall-ħabta tan-12.30pm. Minħabba nuqqas ta’ provi huwa ma nstabx ħati mill-Maġistrat Simone Grech li  għex ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundagg u li f’post pubbliku immolesta n-nies biex jitlob għall-karità.

Dwar is-serq mill-ħanut il-Qorti qalet li wara li rat il-filmat ta’ dak li seħħ, irriżulta li l-imputat kien se jisraq xi flixken tax-xorb minn ġewwa dan il-ħanut. Jidher mill-filmat, li Brincat daħal fil-ħanut u jidhru jaqgħu xi flixken tax-xorb mal-art, u imbagħad tidher mara u l-imputat fuq barra tal-ħanut, fejn hija kienet qed tipprova twaqqaf u tiġbed lura l-oġġetti li kienu fil-pussess tal-imputat.

Mill-filmat jidher li r-raġel irnexxielu joħroġ b’kaxxa tal-plastik tax-xorb f’idu, li mbagħad tajjarha, wara li baqgħet tissara miegħu l-mara, deher li kellu wkoll flixkun xorb taħt il-ġakketta tiegħu.

Id-difiża argumentat li l-imputat spiċċa aggredit u mkeċċi mill-ħanut, mingħajr ma ngħata ċans li jersaq lejn il-‘cash register’ biex iħallas. Ġie argumentat li malli dan daħal fil-ħanut, ġie aggredit għaliex l-impressjonifuqu mill-ewwel kienet li kien daħal fil-ħanut biex jisraq.

Il-Qorti qalet li mill-filmat tal-camera li turi l-entratura mit-triq tal-ħanut, jirriżulta li l-imputat, sa kien daħħal flixkun tax-xorb taħt il-ġakketta maqfula li kien liebes.

Jidher ukoll li anke kellu kaxxa tal-plastik bi flixken tax-xorb f’idu. Li kieku verament ma kellux l-intenzjoni li jisraq, ma kienx se jpoġġi flixken tax-xorb taħt il-ġakketta, u lanqas ma kien jibqa’ ħiereġ ‘il barra meta ġie kkonfrontat minn sid il-ħanut.

Il-Qorti qalet li tinsab konvinta li ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju raġjonevoli, li l-imputat daħal f’dan il-hanut biex jisraq, u li kieku ma kienx għall-intervent tal-mara, l-istess imputat kien jirnexxielu jisraq.   

Dwar l-akkuża li ġew ikkaġunati ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq il-mara, il-Qorti rat iċ-ċertifikat mediku rilaxxat mit-tabib. Ħadet ukoll in konsiderazzjoni, ix-xhieda tal-vittma u anke l-filmat eżebit. Il-każ kien investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi.