L-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi llum waranofsinhar mistenni jitfaċċa quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi biex jibda jwieġeb għal sensiela ta’ mistoqsijiet li se jkunu qed isirulu dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u wkoll dwar fejn marru flus il-poplu minfuqa minnu.
Il-ġimgħa l-oħra l-istess Konrad Mizzi kiteb lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li hu seta’ jidher quddiemu mil-lum l-Erbgħa, 3 ta’ Novembru, bl-Avukat Difensur tiegħu jkun l-Eks Maġistrat Carol Peralta.
L-Eks Ministru Konrad Mizzi issa ilu għal dan l-aħħar xahar jaħrab milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, l-ewwel billi sfaċċatament ma deherx, imbagħad wara li qal li kien se jfittex avukati biex jiddefenduh iżda dawn ma setgħux jidhru… ħarba kontinwa milli jidher u jwieġeb għad-domanda ta’ dan il-Kumitat Parlamentari prinċipalment dwar il-kuntratt malizzjuż tal-Electrogas u dwar l-infiq ta’ flus il-poplu.
Bla dubju ta’ xejn li quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, Konrad Mzzi se jintalab ukoll iwieġeb għal numru ta’ deċiżjonijiet oħrajn korrotti meħuda minnu u li dwarhom hemm allegazzjonijiet mill-aktar serji.
Matul dawn l-erba’ ġimgħat li għaddew il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi kemm-il darba sejjaħ lil Konrad Mizzi biex jidher quddiemu biex jagħti rendikont ta’ deċiżjonijiet li hu ħa sal-punt li l-kwistjoni ttellgħet ukoll quddiem il-Plenarja tal-Parlament fejn ukoll intalab jidher quddiem dan il-Kumitat.
Fil-jiem li għaddew kienu għadhom lanqas għaddew 24 siegħa minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li d-Deputati Laburisti ma kinux se jiddefendu lill-Eks Ministru Konrad Mizzi meta rajna lill-istess naħa tal-Gvern tivvota favur Konrad Mizzi fl-istess Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi waqt mozzjoni li ressqu Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus “biex flimkien nikkundannaw il-fatt li Konrad Mizzi reġa’ ħarab – għar-raba’ darba – milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.”
Bħal-lum ġimgħa fil-Parlament imbagħad seħħ żvilupp importanti ieħor hekk kif waqt id-diskussjoni tal-Estimi tal-Ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja – għamel diskors b’saħħtu ħafna u appella lill-membri parlamentari tal-Gvern Laburista biex quddiem l-iskandli u dak kollu li hu ħażin ma jibqgħux jiddefendu lil xulxin.
Għaliex dan l-atteġġjament mhuwiex korrett mal-poplu li fil-membri parlamentari kollha għandu jara nies serji li jittellgħu fil-Parlament biex iservu u mhux biex jisservew.
Bernard Grech wissa wkoll lin-naħa tal-Gvern fir-rigward li mhi tiddejjaq xejn tiddefendi lil Konrad Mizzi li għar-raba’ darba baqa’ jaħrab milli jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. Iżda l-Gvern jibqa’ jaqbeż għalih u jibqa’ jiddefendih u dan hu insult u weġgħa mhux biss għall-Parlament imma għall-poplu kollu.
“Dan hu disprezz kbir lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Għaliex din l-attituni tal-Gvern? Mela x’jaf fuq kull wieħed u waħda minnkom Konrad Mizzi? X’jaf fuq il-Prim Ministru u fuq l-Eks Prim Ministru? U l-Kummissarju tal-Pulizija kemm hu liberu li jieħu l-passi meħtieġa? Ħarġu għal diversi drabi nuqqasijiet serji li għamel Konrad Mizzi, fosthom trading in influence – iżda flok arrestat u investigat mill-Pulizija jinsab imsiefer!” saħaq Bernard Grech.