Jirritorna mill-ġdid l-avveniment muzikali ‘Rockestra’ wara nuqqas ta’ sena – kuncert li se jittella’ l-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru b’riżq il-Malta Community Chest Fund.
Rockestra – il-kunċert popolari tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali b’laqta rock u pop – se jirritorna nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Diċembru fit-8pm fl-MCCF, Ta’ Qali.
It-Tema magħżula din is-sena hija “Times Like These” hekk kif dawn huma żminijiet partikolari u xejn faċli, kemm għall-pazjenti li jirrikorru għall-għajnuna tal-Community Chest Fund kif ukoll għall-industrija mużikali u tad-divertiment…. tant li wara pawsa ta’ sena kawża tal-pandemija, Rockestra fl-aħħar se jirritorna bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud, u għadd ta’ artisti lokali.
Id-dettalji tal-kunċert tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Verdala, mill-kantant u muzicist Pawlu Borg Bonaci, wieħed mill-imħuħ ta’ Rockestra u partecipant f’dan il-kunċert – konferenza li għaliha attendew fost l-oħrajn il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Arti u l-Kultura, Karl Gouder, u l-President ta’ Malta, George Vella.
Il-President minn naha tieghu esprima s-sodisfazzjon li issa li l-COVID jidher li qed tbatti, wara tant dieqa jara lill-artisti miżmuma milli jdoqqu u jkantaw fil-pubbliku. U stqarr li hu se jkun fl-udjenza għal dan l-avveniment mużikali annwali:
“Ħa jkun hemm event li se jieħdu gost bih in-nies. Jiena nappella lil kulħadd, liż-żgħażagħ u anki kbar, li huma interessati li jħobbu dan il-ġeneru ta’ mużika biex ikunu hemmhekk magħna u dan għal żewġ raġunijiet. Waħda minnhom biex huma jieħdu gost b’dan l-avveniment, li m’għandix dubju ħa jkun ta’ livell. Wieħed biżżejjed isemmi li se jkun hemm l-Orkestra Nazzjonali, diġà biżżejjed, apparti l-kantanti u dawk li se jkunu hemm bħala sorpriżi. Apparti dak ukoll, jafu li se jkunu qed jikkontribwixxu għall-Malta Community Chest Fund.”
Il-President tkellem ukoll dwar l-għajnuna li qed tagħti l-Community Chest Fund, kif ukoll l-għaqda li jġib avveniment bħal dan.
“Kulħadd jaf, Alla ħares qatt, kemm wieħed jista’ jiġi dahru mal-ħajt jekk jiġi milqut b’ċertu mard li jkollu bilfors jirrikorri għaliha. Hija ċara li dawn huma flus li sejrin għal kawża ġusta. (…) F’każi bħal dawn niġu flimkien, ningħaqdu flimkien, ħalli nagħtu l-messaġġ u dan huwa wieħed mill-messaġġi li nixtieq nagħti. (…)
Inċekknu d-differenzi li hemm bejnietna u naħseb li punt tajjeb ħafna biex nibdew huwa li ningħaqdu fuq dak li jgħaqqadna. Fejn hemm il-mard, fejn hemm is-solidarjetà u fejn hemm avvenimenti bħal dawn, jien nieħu gost u nirringrazzja minn qalbi lir-rappreżentanti taż-2 partit il-kbar li qegħdin hawnhekk iħeġġu lin-nies biex flimkien, għal dawn l-avvenimenti, ninsew id-differenzi u bħala poplu wieħed magħqud, wieħed jiddeverti, għaliex le, u fl-istess ħin, jikkontribwixxi għal kawża ġusta, bħalma hija l-MCCF.”
Intant, l-organizzaturi ħabbru li diġa’ ħarġu l-ewwel biljetti b’offerta għal din il-ġimgħa biss; li ma’ kull erba’ biljetti mixtrija fuq showshappening.com, se jingħataw 2 biljetti b’xejn.
Il-miżuri preventivi kontra l-pandemija se jiġu osservati, b’udjenza bilqegħda biss li trid tkun mlaqqma kompletament u mqassma f’clusters ta’ 500 ruħ, bl-organizzaturi jappellaw lill-pubbliku sabiex jagħmlu car pooling biex jaslu Ta’ Qali ħalli anke jitnaqqas it-tniggis ambjentali.
//= $special ?>