Lokali

“Is-sistema tas-saħħa pubblika f’pajjiżna trid tkun garantita, sostenibbli u ta’ kwalità” – PN

Pajjiżna dejjem gawda minn servizzi u kura tas-saħħa tal-ogħla livelli. Dan mertu tal-ħaddiema profesjonisti fis-settur li kollha huma ddedikati lejn il-kura tal-pazjent. Huwa għalhekk li hemm bżonn li nkomplu ninvestu f’dan ir-riżors uman fl-oqsma kollha tas-saħħa.

Fi stqarrija, id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li pajjiżna ma jistax jibqa’ jiddependi minn sptar wieħed biss u għalhekk il-viżjoni ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista hi li jeħtieġu aktar Sptarijiet sabiex inlaħħqu mad-domanda ta’ servizzi u kura speċjalizzati.

Ta’ prioritá mmedjata huma Sptar għas-Saħħa Mentali ġdid, rinovazzjoni tal-Isptar San Luqa u sptar ġdid f’Għawdex u investimenti akbar fil-Kura Primarja. Dan bl-iskop li jitnaqqas il-piż fuq l-isptar Mater Dei.

Dan partikolarment fil-każijiet tal-kirurġija fl-ortopedija fejn il-waiting lists qegħdin saħansitra jaqbżu ċ-charter tal-pazjenti li ma jdumx jistenna aktar minn 18-il xahar. Għalhekk jeħtieġ ukoll li l-Gvern jidħol f’Public Private Partnerships sabiex issir Outsourcing ta’ servizzi u kura lill-privat u b’hekk jitnaqqsu il-waiting lists għall-pazjenti, li kull ma jmur aktar qegħdin jiżdiedu. 

Ma jistax ikun li fl-2021 pazjenti jistennew bil-ħniena sabiex jiġu kkurati u lil min ma jistax jasal fil Privat għandu jibqa’ jistenna sakemm xi darba imissu hu. 

Il-Partit Nazzjonalista kommess li meta jkun fil-gvern jassigura li s-sistema tas-saħħa  pubblika f’pajjiżna trid tkun garantita, sostenibbli u ta’ kwalitá u għalhekk jinqata’ mill-kuntratt ta’ Vitals u Steward li issa ħareġ ċar li l-kuntratt hu vvizzjat.