Il-Jarhead Young Sailors Foundation (JYSF) u s-Centre for Sport Excellence (CSE) iffirmaw Memorandum ta’ Ftehim (MoU) li se jipprovdi struttura akkreditata ta’edukazzjoni u taħriġ għall-programmi offruti mill-JYSF. Il-bażi ta’ dan il-ftehim ddur madwar il-kunċett ta’taħriġ fil-prattika li se jippermetti lill-parteċipanti jipprattikaw l-isport u jiżviluppaw ħiliet tal-ħajja permezz tal-isport tal-ibburdjar.
L-Amministratur tal-JYSF, Wilfrid Buttigieg stqarr: “Dan il-proġett huwa bbażat fuq it-twemmin li l-esperjenza fl-ibburdjar tipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ħiliet bħal ħidma f’tim, dixxiplina, komunikazzjoni, sens ta’ avventura, ħiliet relatati mal-baħar u aktar.
Għalhekk l-għan ewlieni huwa li l-parteċipanti jitħallew jiksbu l-ħiliet tal-ħajja u l-attitudnijiet meħtieġa biex isiru ċittadini attivi bil-kapaċità li jirnexxu fuq ix-xogħol u fis-soċjetà.”
Il-fundatur tas-CSE, Martin Borg, spjega li “Dan il-ftehim ser jwassal għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u provvista ta’ taħriġ li ma tkunx formali u applikata. Se nkunu qed naħdmu flimkien biex nassiguraw li l-istudenti jgawdu l-attività tagħhom permezz tal-ibburdjar u fl-istess ħin jissodisfaw r-rekwiżiti kif stabbiliti mid-direttorat għall-istandards u l-kwalità fl-edukazzjoni”
Is-Sur Buttigieg żied jgħid: “L-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa pass ieħor ‘il quddiem għall-Fondazzjoni li bih se nipprovdu wkoll programm ta’ kurrikulu akkreditat. It-trasformazzjoni tal-esperjenza ta’ tagħlim miksuba f’ċertifikat akkreditat se tkun utli għall-parteċipanti tagħna meta jidħlu fid-dinja tal-impjieg. Aħna konxji li diversi studenti li ġew introdotti għall-ibburdjar permezz tal-Fondazzjoni issa sabu impjieg fis-settur marittimu. Aħna nimmiraw li nibqgħu naħdmu f’din id-direzzjoni u nipprovdu lill-parteċipanti kollha, li jimpenjaw ruħhom lil hinn mill-ewwel sessjonijiet, b’ċertifikazzjoni akkreditata skont il-livelli ta’ esperjenza u taħriġ li jiksbu.”
//= $special ?>