Lokali Parlament

Jeħtieġ titwaqqaf il-burokrazija li qed ixxekkel l-għaqdiet volontarji

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar insista li titwaqqaf il-burokrazija li qed ixxekkel l-għaqdiet volontarji.

Fil-parlament Kevin Cutajar tkellem dwar il-volontarjat u qal li r-riżenja ta’ Anthony Abela Medici minn Kummissarju għall-Volontarjat qatt ma kinet spjegata. Hu qal li fil-budget hemm biss paragrafu wieħed; dan is-settur kien jistħoqqlu iktar.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li hemm bżonn iktar investiment minħabba l-pandemija li effettwat bil-kbir lill-volontarjat. Jeħtieġ li titwaqqaf il-burokrazija żejda li qed tolqot lil dan is-settur; dan il-gvern rabat idejn l-għaqdiet volontarji kollha iżda din ma kienitx l-aħjar deċiżjoni li kellha tittieħed. Hu ppropona li jkun hemm reġistru wieħed ta’ obbligu.

Dwar il-fondi Kevin Cutajar qal li dawn iridu jsiru iktar aċċessibbli biex iktar għaqdiet u spjega kif il-banek illum qed jagħmluha diffiċli biex jiftħu kontijiet bankarji għall-għaqdiet volontarji. Jeħtieġ isir ukoll jsiru korsijiet ta’ taħriġ għall-amministraturi tal-għaqdiet volontarji.

Kevin Cutajar tkellem dwar id-diżabilità u qal li wara l-età ta’ 16-il sena, l-persuni b’diżabilitàjibdew isibu problemi kbar. Jeħtieġ riformi kbar f’dan l-aspett, sostna Kevin Cutajar, li qal li l-budget ma jittattax l-inaċċessibbiltà fosthom dik gravi dwar il-bankini. Id-deputat Nazzjonalista stieden lill-Ministru Julia Farrugia biex tmur miegħu timxi fuq il-bankini biex xtara l-problemi kbar li sibu l-persuni b’diżabilità.