Enerġija Lokali

Konrad Mizzi isteriku fil-PAC; għadu ma weġibx domanda waħda

Tul il-PAC Konrad Mizzi nfexx jgħajjat u beda jattakka lill-President Emeritus u l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami

Konrad Mizzi isteriku fil-PAC u jibqa’ jgħid li l-kuntratt tal-Electrogas kien wieħed nadif.

Dan minkejja li l-garanzija bankarja illi ħareġ il-Gvern kienet waħda irregolari, minkejja li li kien proġett mhux koformi mar-regoli, minkejja li dan il-kuntratt ġab riskju fuq il-pajjiż, minkejja li r-riskji kollha tal-proġett ġarrhom il-Gvern, minkejja li kien hemm nuqqasjiet fil-proċess tat-tender, minkejja li l-assessjar tal-offerti finali saru mill-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama lil Mizzi u Schembri, Brian Tonna u minkejja dak kollu ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, Konrad Mizzi jibqa’ jiftaħar li hu nadif.

Wara xahar ta’ stennija, l-eks Ministru Konrad Mizzi….li ghadu deputat Parlamentari…. deher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, fejn għażel li minflok iwieġeb għad-domandi …. jattakka b’mod partiġġjan lid-deputati Nazzjonalisti.

Fl-istess waqt, membri tal-Gvern fil-PAC, komplew joħorġu għonqhom għal seħibhom li kien suppost qed jixhed.

Mistoqsi għal darba tnejn tlieta, għaliex uża l-kelma “we” meta rrefera għat-twettieq tal-proġett tal-Electrogas….u jekk bil-kelma “aħna” kienx qed jirreferi għal Keith Schembri, Mizzi rrifjuta li jwieġeb.

Tul il-preżentazzjoni li qal se jagħmel Konrad Mizzi, Beppe Fenech Adami fakkar kif uffiċjal tal-Ministeru tal-Finanzi kien spjega għaliex f’dan id-deal hemm il-korruzzjoni…. u saqsa x’se jwieġeb Mizzi għal stqarrija bħal din.

F’dan l-istadju Konrad Mizzi beda jattakka lil Beppe Fenech Adami u nsista li jintalab ruling mill-Ispeaker  u minn hemmhekk infexx jgħajjat b’ton isteriku għall- aħħar

Il-verita hi…li d-deal tal-power station il-ġdida tal-gass fih ħafna nuqqasijiet, kif ikkonferma l-NAO. B’Konrad Mizzi jipprova jpinġi realta’ kompletament differenti.

Jirriżulta ukoll li Mizzi se jkompli bis-sottomissjonijiet tiegħu lill-PAC fis-seduta li jmiss  – bid-data għad trid tiġi stabbilita. Sa issa, l-eks Ministru Laburista ghadu ma giex iffacjat bid-domandi.

Intant, fil-bidu tal-laqgħa ċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li d-direttur ta’ GEM Holdings u l-Electrogas Ray Fenech informa lill-Kumitat li l-minuti tal-laqgħat mitluba mill-PAC għandhom mhumiex lesti… u talab lill-kumitat biex iqabbad delegazzjoni jmorru jaraw il-minuti. Iżda Beppe Fenech Adami qal li mhux aċċettabbli li jitkompla jittawwal il-proċess, u allura l-minuti kollha għandhom jiġu sottomessi sa tmiem il-ġimgħa.