Għawdex Lokali Qorti

L-Avukati f’Għawdex mill-lum lura għax-xogħol fil-Qorti

  • Jirrapportaw progress iżda għad fadal ħafna xi jsir

Għal dawn l-aħħar ġimgħat l-avukati kollha prattikanti quddiem il-Qorti f’Għawdex ħadu azzjoni kollettiva u naqsu milli jattendu għas-seduti.   Fi stqarrrija, Avukati Għawdex qalu li waqt laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini, gie mwiegħed li ser jinġiebu tal-anqas żewġ ħaddiema u purtier biex tiżdied l-effiċjenza fil-Qorti t’Għawdex.
Sa lbieraħ, it-Tlieta, 2 ta’ Novembru, 2021, dawn il-ħaddiema kienu qegħdin jirraportaw fil-Qorti t’Għawdex.  Filwaqt li dan wieħed jinsisti li għad fadal ħafna xi jsir, jiġi rikonoxxut li dan huwa progress raġjonevoli għan-nuqqasijiet li hawn fil-Qorti t’Għawdex.

  
Madanakollu, Avukati Għawdex qalu li l-Qorti t’Għawdex, għadha sa llum il-ġurnata nieqes minn Marixxall u għalhekk ser tibqa’ ssir insistenza li l-istess Qorti t’Għawdex ghandu jkollha l-istess dinjita’ u mezzi tal-Qorti ta’ Malta fl-aħħar mill-aħħar hekk kif inhu skond il-Liġi.   

Barra minn hekk, hu mifhum li fix-xhur illi ġejjin ser tirtira wkoll uffiċjal ieħor mill-istaff tal-Qorti li bħalissa qed tagħmel ix-xogħol ta’ purtier / messaġġier u għalhekk għandhom isiru l-arranġamenti minn qabel biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata minn qabel.

Fid-dawl ta’ dan kollu ġie għalhekk deċiż illi b’effett mil-lum l-Erbgha, 3 ta’ Novembru, 2021 l-Avukati jerġgħu jibdew jattendu għas-seduti tal-Qorti.