Lokali

L-Awditur Ġenerali jikkonferma serq ta’ aktar minn €50 miljun fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Bħalma kien previst f’rapport mhux uffiċċjali xhur ilu, illum għandna konferma oħra, jekk qatt kien hemm bżonnha, li Gvern Laburista qiegħed jisraq lill-familji Maltin madwar €6.5 miljun fis-sena fi ħlasijiet żejda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Din il-konferma tasal ftit tal-jiem wara li l-Gvern Laburista, fil-budget, ammetta li qed jisraq lill-familji Maltin u Għawdxin. Hawnhekk, il-Gvern reġa’ qal li se jara kif se jirranġa din l-anomalija iżda sal-lum għadu qed jisraq lill-poplu Malti għaliex għadu ma sabx soluzzjoni għal problemi li ilu jgħid li se jsolvi sa mill-2018.

Net News staqsa lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli dwar din is-sitwazzjoni fejn iż-żewġ Ministri stqarru magħna li l-Gvern Laburista mhux ser ikun qed jagħti il-flus lura lil dawk kollha li ħalsu żejjed għall-konsum tagħhom.

B’kuntrast għal dan, fi stqarrija wara li waslet il-konferma tal-Awditur Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista reġa’ tenna li jekk jingħata l-fiduċja, Gvern ġdid Nazzjonalista jrodd lura aktar minn €50 miljun fi ħlasijiet żejda li saru u għadhom qed isiru sal-ġurnata tal-lum.