L-eks delegat Laburista, Mark Camilleri, kompla jitfa dawl fuq ir-relazzjoni ta’ bejn il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
F’artiklu li kiteb fuq is-sit tiegħu, Mark Camilleri saħansittra ppublika chats bejn Zammit Lewis u Fenech fejn jidher ukoll kif il-Ministru tal-Labour mhux biss kien irrefera għal Laburisti bħala ‘ġaħan’ iżda anke ddeskrivihom bħala ‘injoranti’. Camilleri ippublika dak kollu li qal il-Ministru iżda mhux dak kollu li kien jgħid Yorgen Fenech.
Fil-lista sħiħa ta’ messaġġi wieħed jinnota kif għal ħafna ġranet, sid il-kumpanija 17 Black kien jinjora l-messaġġi tal-Ministru, iżda Zammit Lewis kien jibqa’ jibgħat messaġġ wara l-ieħor.
Fost il-ħafna mesaġġi, Edward Zammit Lewis, apparti li jistaqsi lil Fenech jekk hux kollox sew jew jgħidlu bonġu, il-Ministru kien spiss jgħidlu biex jiltaqgħu, kien jiftaħ qalbu miegħu u kien anke jgħidlu kliem bħal ‘i miss you’, ‘i miss you so much’, ‘kemm nimmisjak’, ‘caro’, ‘qalbi’, ‘ħsibt fik’, ‘tell me and I come near you’, ‘Ghidli meta trid inhalli vojt filghaxija u noqghodu flimkien’, ‘Ejja ha niltaqghu ftit anke wahda wahedna r razzett’, ‘Kemm hadt pjacir Narak’ u ħafna iktar f’lista twila ta’ messaġġi li ħafna mid-drabi kienu qed jiġu minn naħa waħda biss, jiġifieri mill-mobile ta’ Zammit Lewis. Madanakollu meta wara ħafna ħin, u ġieli ġranet li kien iwieġbu, Edward Zammit Lewis kien jurih kemm hu kuntent li fl-aħħar bagħtlu lura fejn darba minnhom qallu “kemm jien kuntent li you answered me.”
Il-Ministru Laburista, skont dak li ppublika Mark Camilleri, kien spiss jipprova biex jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech u kien jaċċertah li telefonata tidħol fin-nofs biex jiftehmu. Dan filwaqt li għal diversi drabi prova jsib soluzzjonijiet jew joħroġ b’ideat biex ikunu jistgħu jiltaqgħu; “U ejja ilni ma narak, arukaża.”
Darba minnhom, Zammit Lewis spjega lil Yorgen Fenech kif kien hemm min saqsih jekk jafux lil xulxin, bil-Ministru Laburista jgħidlu li hu ‘kburi’ li jafu. Meta kien jiftaħ qalbu dwar il-ħajja fil-politka, Zammit Lewis kien qal lil Yorgen Fenech li l-politka ‘breakfast’ għalih. Kien qallu li lilu ma jriduħx, li qatt ma riduħ il-Laburisti u li kieku ma kienetx il-mara kien jitlaq. Zammit Lewis kien spjega lil Fenech li ma kienx ċert għandux jibqa’ jew le, li mhux stmat u li hu ‘underrated’ mil-Laburisti l-injoranti.
Edward Zammit Lewis kien spjegalu kif kienu qalulu li mill-ewwel kienu se jpoġġuh ministru u li qatt ma ġie umiljat daqshekk. “Noħodhom b’fast fil-politka jien, ma ġara xejn, tfal u pożi, political competence zero, imma jekk irid il-Laburist ġaħan. Fl-istess jum, fl-istess konversazzjoni, Zammit Lewis jgħid lil Fenech li għalih hu l-importanti.
Fost il-ħafna konverżazzjonijiet li żvela Mark Camilleri, hemm waħda partikolari fejn Yorgen Fenech bagħat ritratt lill-Ministru b’dan tal-aħħar jgħidlu “bellezza, ħudni miegħek, qatt ma toħodni, aħjar qiegħed miegħek.” F’ġurnata oħra, Zammit Lewis bagħat jgħid lil Fenech li kien qiegħed cruise mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat. Cruise f’Settembru tal-2019, ftit biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech b’rabta ma allegat kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant, fl-artiklu tiegħu, fejn ipppublika dawn ic-chats, Mark Camilleri, b’referenza għal Zammit Lewis, saħaq li għandna Ministru tal-Ġustizzja, li saħansitra rċieva rigali mingħand Yorgen Fenech f’forma ta’ vaganzi għaljin. Hu semma kif Edward Zammit Lewis, ingrazzja lil Fenech sal-punt li wasal jittradixxi lill-kostitwenti tiegħu u jsejjaħilhom Ġaħan. Camilleri saħaq li dawn ic-chats juru li fir-realtà l-Ġaħan huwa Zammit Lewis innifsu.
Fl-istess artiklu, Mark Camilleri ddeskriva lil Robert Abela bħala avukat tar-raħal stupidu mutu li wera disprezz totali lejn il-libertà tal-kelma u l-ġurnaliżmu għaliex biddel ix-Xandir Pubbliku f’għodda ta’ propaganda personali tiegħu.