Lokali

“Naħdmu favur ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

“Ejjew nirrealizzaw meta jasal iż-żmien li ninbidlu. Gvern Nazzjonalista se jaħdem id f’id ma’ min iħaddem biex jadatta l-ambjent tan-negozju tagħna għall-bidla. Aħna lesti nużaw sensiela sħiħa ta’ għodod ekonomiċi u fiskali li ftit li xejn biex nattiraw tkabbir ġdid biex jiftħu opportunitajiet ġodda għan-negozju Malti.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jitkellem waqt il-Forum Nazzjonali tan-negozji żgħar u medji. It-tema prinċipali ta’ dan il-forum kien it-tkabbir sostenibbli, l-importanza tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Temi li inċidentalment ilu ħafna jisħaq fuqhom il-Partit Nazzjonalista.

Filfatt, Bernard Grech stqarr li l-avvanz tal-aġenda ambjentali f’Malta huwa ta’ interess kbir għan-negozji tagħna u saħaq li ma nistgħux nibqgħu lura fl-għarfien, fil-miri u fil-kisba effettiva tagħhom.

Il-Kap tal-PN fakkar kif bħalissa għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista qed jinnegozja mal-Ewropa biex jipposponi l-miri ambjentali u qal li filwaqt li Roberta Abela qed jaqra dikjarazzjonijiet sbieħ ħafna dwar it-tibdil fil-klima, f’Malta l-gvern tiegħu nnegozja tnaqqis ta’ miri fuq l-emissjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u dan se jolqotna b’mod ħażin. Bernard Grech qal li din l-attitudni qed titfa lin-negozji Maltin f’riskju li ma jkunux preparati għall-bidliet meħtieġa u jaqgħu lura minn mal-kompetezzjoni tagħhom madwar id-dinja.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-PN qal li hu jara futur radikalment differenti għal Malta għaliex jara lill-poplu tagħna bħala ‘leader’ fit-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. “Minflok ma ninnegozjaw mal-Ewropa biex jitrażżnu l-miri tal-emissjonijiet irridu li n-negozji tagħna jkunu mexxejja fl-Unjoni Ewropea, jattiraw l-innovazzjoni lejn xtutna u nkunu kburin bir-reputazzjoni tagħna wara li nerġgħu nistabilixxu lil pajjiżna bħala ċentru tal-eċċellenza fil-Mediterran.”

Meta kien qed jiġi intervistat minn Claire Agius, Bernard Grech fakkar kif id-dinja miexja malajr ħafna u saħaq li dawk li jwiegħdu lin-negozju li l-gvern se jipproteġihom mill-bidla qed jagħmlu dis-servizz lil dawk l-istess negozji. Il-Kap tal-PN wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista, se jżommu l-kompetittività billi jantiċipa l-bidla, u mhux jiġri warajha meta jkun tard wisq.

Bernard Grech spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti wkoll direttament f’modi ġodda biex isaħħaħ il-kompetittività tal-esportazzjoni Maltija biex tiffaċċja l-kompetizzjoni. “Irridu nagħtu bidla ġusta lin-negozju Malti. Għal din ir-raġuni, qed inwiegħdu t-twaqqif ta’ fond speċifiku ta’ 40 miljun ewro biex jgħin direttament lin-negozji Maltin fl-isforzi tagħhom ta’ esportazzjoni u importazzjoni.”

Intant, matul din l-intervista, Bernard Grech kien mistoqsi fuq diversi temi oħrajn, fejn kompla jispjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tkellem dwar numru ta’ proposti konkreti li qed joħroġ il-partit fejn fost l-oħrajn saħaq li se jagħti prijorità assoluta lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Kap tal-PN saħaq li bidla fil-gvern tkun l-aktar sinjal b’saħħtu lill-FATF biex terġa’ tikkunsidra l-greylisting, iżda stqarr li sadanittant mhux se nkunu passivi dwar il-greylisting għaliex wisq qed insofru l-konsegwenzi ta’ abbuż minn dawk fil-poter.

Il-Kap tal-PN saħaq li dwar dan diġa ħa l-inizjattiva fejn il-gvern qed jonqos milli jaġixxi fejn il-PN diġà ppropona żewġ miżuri ewlenin biex itaffu l-effetti tal-greylisting fuq in-negozju – dawn jikkonsistu fi proposta għal servizz pubbliku ċentrali biex jiġbor flimkien ir-riżorsi dwar ir-riċerka tad-diliġenza dovuta u proposta biex tassisti bil-garanziji tal-assigurazzjoni.