Gazzetti Lokali Qtil Politiku

Repubblika mogħtija l-Premju għall-Ġurnaliżmu Ħieles 2021

L-għaqda Repubblika għadha kif ngħatat il-Premju għall-Ġurnaliżmu Ħieles 2021 mill-iskultur Malti, Kevin Scerri.

F’post fuq Facebook, l-għaqda qalet li hija onorata li qed tirċievi dan il-premju, li jimlieha b’kuraġġ u entużjażmu biex ikompli bil-ġlieda għal Malta nadifa u ġusta.

L-iskultura tal-Ġurnaliżmu Ħieles jingħata bħala ġest ta’ apprezzament u rikonoxximent tax-xogħol f’dan il-qasam sabiex iservi bħala sors ta’ ispirazzjoni biex tissokta l-ġlieda li l-pajjiż, u l-ġurnaliżmu b’mod partikolari, jeħtieġu.

L-iskultur, Kevin Scerri, kien imnebbaħ mix-xogħlijiet ta’ Daphne Caruana Galizia wara l-assassinju tagħha meta skolpixxa dan il-premju u turi ponn iħares ‘il fuq b’lapes maqsum b’dan il-kliem fil-qiegħ tal-iskultura: “If you break our pencil, we will sharpen all pieces and come back… Stronger! – 16.10.2017”.

Il-verżjoni oriġinali tal-iskultura hija esebita b’mod permanenti fil-Press Room tal-Parlament Ewropew fi Brussel, wara preżentazzjoni li saret lill-eks President tal-istess Parlament, Antonio Tajan, bl-għajnuna tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.

L-għaqda Repubblika awgurat li kull min iħares lejn l-iskultura jispira ruħu biex ikun kuraġġuż bħalma kienet Daphne Caruana Galizia biex tissokta l-ġlieda li tikxef il-verità, li għaliha kellha tħallas l-ogħla prezz.