Kultura Lokali

FILMAT: Is-sotterranji taħt il-Belt Valletta

Is-sotterranji tal-Belt Valletta – meqjusa bħala wirt dinji, li ma jistgħux jiġu apprezzati bi sħiħ mingħajr ma wieħed jesperjenza dak li hemm moħbi taħt l-art.

Net News fl-aħħar jiem żar il-passaġġi taħt l-art, bid-dħul minn biswit il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-ħruġ minn quddiem il-Qorti.

Apparti l-passaġġi taħt l-art għal skopijiet militari, l-ispazji f’dawn is-sotteranji kienu essenzjali għal żewġ aspetti oħra kruċjali – biex jgħaddi l-ilma u d-drenaġġ, u f’każ ta’ assedju, speċjalment fit-Tieni Gwerra Dinjija fejn kienu jservu wkoll bħala xelters. Fil-fatt, f’waqtiet, il-Maltin kienu jqattgħu sigħat twal taħt il-Kapitali.

Hawn, stajna naraw kmamar li kienu jintużaw fi żmien il-Gwerra, uħud bil-madum – rajna ktieli u fliexken u anke niċeċ u pitturi li jixhdu d-devozzjoni tal-Maltin u l-wens li kienu jsibu permezz tat-talb.

Huwa mifhum, li fil-Belt taħt l-art, l-ammont ta’ persuni li kienu jkunu fis-sotteranji fi żminijiet tal-gwerra, f’waqtiet kienu jlaħħqu t-38,000 persuna.

It-tħaffir taħt il-Belt beda fl-1568 imma kienet ħarġet ordni li taħt il-bini fil-Belt Valletta kull dar ried ikollha ħaźna għall-ilma tax-xita …. kif ukoll fossa ghall-ħmieg. Kull dar kellha tkun imqabbda mas-sistema pubblika tad-drenaġġ.

Il-ġebel li nqata’ waqt it-tħaffir tal-bjar seta’ jintuża għall-bini.

Minbarra l-bjar privati f’kull dar, il-ġibjuni pubbliċi kienu prijorità waqt il-bini tal-Belt Valletta. Sal-1566 kienu ġew skavati u mtlew bl-ilma ħafna minnhom. L-ilma frisk infatti tejjeb il-livell tal-għixien u kien ħeġġeġ biex il-Kapitali, dak iż-żmien il-Belt il-ġdida tattira aktar residenti. Dak iż-żmien inbnew funtani, u l-ilma beda jintuża biex inaddaf it-toroq u s-sistemi tad-drenaġġ.

Fl-1723 fil-Belt kien hemm 33 ġibjun pubbliku. Fatt interessanti hu li l-ħażna tal-ilma tal-Belt intużat darba waħda biss – meta fl-1798 il-Franciżi ġew imblukkati wara s-swar.