F’ċerimonja li l-Konkatidral ta’ San Ġwann kien ilu ma jara sa mill-1798 – Fra Francis J Vassallo għamel il-professjoni perpetwa fl-ordni ta’ San Ġwann.

F’ċerimonja li nqasmet f’żewġ partijiet, il-Kavallier Vassallo, li diġa kien jagħmel parti mill-Ordni, offra ħajtu lill-Ordni u lill-Knisja.

Ftit qabel ma bdiet iċ-ċerimonja, Fra Vassallo tkellem ma’ Net News u qal li din hija ġurnata mimlija emozzjoni. Hu spjega kif iqis li dan għalih huwa qisu t-tieni żwieġ tiegħu, wara l-ewwel wieħed ma’ martu, dan huwa ż-żwieġ tiegħu ma’ Alla.


Fl-ewwel parti taċ-ċerimonja… huwa ingħata t-titlu ta’ Kavallier tal-Ġustizzja li huwa t-titlu ta’ Kavallier bi professjoni perpetwa. Dan ifisser li huwa jkun ikkonsagra ħajtu kompletament lil Alla.

Wara din iċ-ċerimonja qasira, imbghad kien imiss il-quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna – quddiesa li hija tista’ tgħid identika għal dik li fiha jkunu ordnati s-saċerdoti.

Vassallo kien ħa l-voti tal-povertà, kastità u l-ubbidjenza, f’Ottubru tal-2015 wara li kien tilef lil martu fl-2013, biex issa huwa kkonferma dawn il-voti b’mod perpetwu.
Għal din iċ-ċerimonja attendew il-membri tal-Ordni ta’ San Ġwann f’pajjiżna u minn pajjiżi diversi.

Francis Vassallo kellu karriera twila fil-finanzi, fosthom fiċ-Chase Manhattan Bank, u serva wkoll bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Dan minbarra l-karriera diplomatika tieghu, fosthom fl-Amerika Latina.