Xirja ta’ affarijiet li kull familja tuża ta’ kuljum għoliet bi kważi 10 fil-mija f’ temp ta’ tnax-il xahar. Dan l-ammont ma jinkludix iż-żieda fil-prezz tal-mediċini, kif ukoll il-kontijiet tad-dawl.
Net News għamel eżerċizzju realistiku billi elenka lista ta’ oġġetti li prattikament kull household f’Malta tixtri għall-użu u l-konsum tagħha għall-ħajja ta’ kuljum.
Fit-trolley poġġejna pakkett ċereali, kartuna ħalib, ħobża, butir, perżut u ġobon, tiġieġa, patata u zunnarija, pakkett għaġin u polpa, u landa tonn taż-żejt, sitt bajdiet, pakkett gallettini, kafè u tè, ftit larinġ, pakkett luminata u pakkett tal-ilma.
Imbagħad poġġejna sapun tal-banju, shampoo u conditioner, roll-on, pakkett toilet paper, trab tal-ħasil tal-ħwejjeġ, fabric conditioner, disinfettant tal-art u wieħed tal-platti u bleach.
Din ix-xirja sena ilu minn discount store kienet tiswa €86.45 illum tiswa €6.43 aktar, jiġifieri €92.83. Fi kliem semplici; ittajjar mal-100 ewro meta ghandek xirja li tikludi ikel għal ġurnata wahda, kwazi ebda frott, ebda ħut, u ebda laħam.
Fl-aħħar xhur kienu ħafna dawk li jagħmlu x-xirja regolarment u li nnutaw żidiet fil-prezz ta’ għadd ta’ prodotti. Meta tkellimna ma’ persuna li tmexxi supermarket qalilna li huma jagħmlu minn kollox biex jiżguraw l-aqwa prezz għall-konsmatur Malti.
“Aħna ninnegozjaw mal-aġenti u mas-suppliers biex nippruvaw inżommu l-aktar prezzijiet kompetittivi”, qaltilna din il-persuna.
Il-verità hi li meta wieħed imur jagħmel anke l-aktar xirja bażika qed jirrealizza li ħafna affarijiet qed jogħlew u ħafna kienu qed jistennew rimedju għal dan qabel ma ġie pprezentat il-budget.
Madankollu skont il-Gvern, iż-żieda li kien ħaqqu l-ħaddiem Malti għall-għoli tal-ħajja, ibbażata fuq il-prezzijiet ta’ din is-sena, kienet ta’ €1.75.
//= $special ?>