Kollega ta’ Jaiteh Lamin, Sulayman Dramme, raġel mill-Gambja li kien jaħdem għal Glenn Farrugia u li kien fuq il-post meta ġara l-inċident qal f’xhieda twila li ma rax il-waqgħa iżda ġie infurmat minn kollega li xi ħadd ukoll mill-Gambja kien sofra waqgħa u, peress li kien Gambjan, intalab jagħmilha ta’ interpretu.
Dramme xehed fil-kumpilazzjoni li kien wieħed mill-ewwel nies li laħaq lil Lamin wara l-waqgħa. Lamin kellu wġigħ kbir u kien qed jibki, huwa qal. Il-vittma tah struzzjonijiet biex jieħu l-mobile mill-but u jsejjaħ għall-ambulanza, iżda ma kienx jaf x’numru għandu jċempel.
F’dan il-punt Farrugia wasal fuq il-post u qal lill-ħaddiema “m’għandkomx iċċemplu l-ambulanza sakemm ma tridux tmorru l-ħabs.” Minflok, Farrugia qal li kien se jieħu lill-ħaddiem ferut l-isptar hu stess bil-vann tiegħu. Lamin tpoġġa fuq is-sit ta’ quddiem f’pożizzjoni wieqfa, qal ix-xhud, li tenna li Lamin ma setax joqgħod bilwieqfa minħabba l-uġigħ.
Madwar siegħa wara li Farrugia kien telaq bil-vann, u ħaddiem ieħor kien irċieva struzzjonijiet mingħand l-imgħallem tiegħu li kellu jgħaddihom lil dawk preżenti: “jekk m’għandkomx karti, itilqu mis-sit.” Ix-xhud għalhekk qabad il-karozza tal-linja u mar id-dar. Huwa sar jaf bil-każ aktar tard matul il-ġurnata.
Sadanittant l-Ġimgħa 12 ta’ Novembru, il-Maġistrat Marseanne Farrugia se tmexxi l-aċċess fuq il-post fis-sit tal-kostruzzjoni fejn il-ħaddiem Jaiteh Lamin sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari. Dan kollu ħareġ f’maratona oħra fil-każ kontra Glenn Farrugia ta’ 31 sena minn Ħaż-Żebbuġ, il-kuntrattur li kien iħaddem lil Lamin, li huwa mixli bi ġrieħi gravi u reati oħra wara li allegatament ċaqlaq lil Lamin minn fuq il-post u tefgħu mal-ġenb ta’ triq, u ordnalu jgħid lill-pulizija li kien intlaqat minn karozza.
Jaiteh Lamin ta’ 32 sena kien abbandunat fi Triq Selmun, il-Mellieħa, f’Settembru li għadda, wara li kiser s-sinsla ta’ dahru f’waqgħa fuq sit ta’ kostruzzjoni. L-inċident wassal għal kummenti bla rażan mill-pubbliku u kien iffoka l-attenzjoni fuq il-kundizzjonijiet ħżiena tal-ħaddiema immigranti f’Malta.
L-ispina dorsali tidher intatta
Quddiem il-Maġistrat Farrugia xehed il-Konsulent Mediku Mark Portelli li spjega l-ġrieħi li ġarrab Lamin – żewġ vertebri miksura, li fortunatament ma kienu qed jikkawżaw l-ebda pressjoni fuq is-sinsla tad-dahar. Qal li dan kien ta’ uġigħ kbir. Il-Konsulent qal li ċ-ċaqliq tal-ħaddiem ferut kien “riskju kbir” iżda aħbar tajba hi li l-ispina dorsali tidher intatta.
Lamin kellu wkoll minkeb miksur li kien tant bil-ħsara li kien impossibbli li jerġa’ jinbena, u kien jeħtieġ l-użu ta’ prostetiċi. Ma kien hemm ebda kumplikazzjonijiet wara l-operazzjoni u Lamin kien qed jagħmel progress, qal ix-xhud. Kompla jispjega li l-kundizzjoni ta’ Lamin kienet qed titjieb u li issa jinsab mobbli.
Mid-dijanjosi tiegħu ħareġ li kien sofra ksur u tpoġġietlu faxxa mdendla mill-għonq. Saru mistoqsijiet dwar jekk il-moviment setax ikkawża ħsara lis-sinsla ta’ Lamin. Il-konsulent qal li ma setax jeskludih, iżda ma jidhirx probabbli f’dan il-punt, qal Portelli lill-Qorti,li ċ-ċaqliq tal-pazjent kien ta’ riskju kbir. Il-ksur ma kinux ikkawżati mill-moviment, iżda mill-waqgħa, kompla jgħid
L-Avukat Simon Micallef li kien qed jaqdi dmiru fid-dipartiment tal-emerġenza f’Mater Dei spjega li meta ddaħħal, Lamin kien ilmenta minn wġigħ u ġie riferut lid-dipartiment tal-MRI. It-tabib ma setax jikkonferma kemm Lamin baqa’ jistenna fid-dipartiment tal-emerġenza.
L-aħħar li xehed kien il-kollega ta’ Lamin, Sulayman Dramme li kien ukoll jaħdem għal Glenn Farrugia. Dramme qal lill-qorti li ma kellu l-ebda kwistjoni ta’ paga mal-kuntrattur. Wara sagħtejn ta’ grilling, il-ħaddiem ikkonferma li wara l-waqgħa kien ħa t-telefon ta’ Lamin mill-but ta’ wara u wara poġġewh fil-vann ta’ Farrugia. L-avukati difensuri Franco Debono u Matthew Xuereb ssuġġerew li fuq il-post grupp ta’ ħbieb kienu ppruvaw jgħinu lil Lamin, u ġibduh ‘l fuq mill-art.
Dramme ikkonferma li madwar ħames persuni inkluż hu, ħadu ħsieb lir-raġel midrub u, bi sforz kbir, poġġewh fil-vann ta’ Farrugia. Huwa qal lill-Qorti li Farrugia kien midd is-seat ta’ wara tal-vann sabiex jittrasporta lir-raġel ferut. Xuereb, iżda rrimarka li s-seats fil-vann tal-kostruzzjoni li huwa ‘two seater’ m’għandhomx din il-funzjonalità.
Il-każ ġie pospost għat-12 ta’ Novembru biex il-qorti twettaq spezzjoni fuq il-post. Ix-xahar li għadda Farrugia kien ingħata l-libertà proviżorja tard bil-lejl fi tmiem maratona ta’ tmien sigħat f’seduta fejn il-vittma kien xehed permezz ta’ video conferencing mill-isptar Mater Dei, l-ewwel waħda wara li Farrugia tressaq il-Qorti.
Fl-istess seduta, li kienet saret fis-7 ta’ Ottubru li għadda l-akkużat kien ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000. L-Ispettur George Frendo qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukat Gianluca Cappitta qed jidher bħala parte civile għan-nom tal-vittma.
//= $special ?>