Lokali

Il-Kunsill tal-Ewropa jsib li Rosianne Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika u jitlob aktar informazzjoni mill-iSpeaker

Id-deċiżjoni dwar ksur ta’ etika minn Rosianne Cutajar se tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin, iżda sadanittant, hi instabet ħatja bi ksur ieħor ta’ etika.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa qed tiltaqa’ biex tiddeċiedi x’passi għandha tieħu fil-konfront tal-eks Segretarju Parlamentari wara li ġiet ppreżentata b’talba biex jindagaw l-aġir tagħha.

It-talba waslet minn Pieter Omtzigt, li qed jitlob lill-Kunsill jixtarr l-attakk li għamlet Cutajar permezz ta’ diskors imqanqal kontra rapport tiegħu stess meta poġġiet fuq il-mejda tal-kamra numru ta’ emendi biex tipprova ddgħajjef dan ir-rapport.

Omtzigt kien preżenta rapport dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna, u fih issemma bi prominenza Yorgen Fenech u l-kumpanija sigrieta li kellu – 17 Black.

Il-qrubija intima bejn Fenech u Cutajar ġiet irrappurtata kemmil-darba fil-media, fejn ħarġu wkoll għadd ta’ chats bejniethom.

Sa issa, l-Kunsill sab lil Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ etika meta naqset li tiddikkjara l-interessi tagħha kollha tal-2018 għal erba’ snin sħaħ.

Intant, l-istess Kunsill qed jitlob lill-Ispeaker tal-Parlament Malti biex jipprovdi informazzjoni aktar iddettaljata fuq il-passi li qed tieħu l-Kamra tar-Rappreżentantii tagħna fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.

Il-Kunsill tal-Ewropa se jkun qed jistenna li jirċievi din l-informazzjoni qabel ma jieħu aktar deċizjonijiet dwar id-Deputata Laburista.