“Dan huwa żbilanċ lampanti u juri nuqqas konsistenti ta’ investiment fl-industrija lokali.”
Il-produtturi ewlenin fl-industrija lokali tal-films mistennija jibbojkottjaw l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards bħala protesta għal fatt li se jkunu qed jintefqu flejjes kbar għal avveniment ta’ lejl wieħed…meta l-fondi annwali ddedikati għal films f’Malta huma limitati ħafna.
Dawn l-awards mistennija jlaħħqu nefqa ta’ madwar €400,000 mit-taxxi tal-poplu….filwaqt li l-fond annwali huwa biss mitejn elf ewro aktar.
Il-produtturi tal-films, inkluż dawk li diġà ġew onorati bi premjijiet internazzjonali, saħqu li dan huwa żbilanċ lampanti u juri nuqqas konsistenti ta’ investiment fl-industrija lokali.
Il-ġurnal Times of Malta żvela li fost dawk li se jkunu qed jibbojkottjaw dan il-lejl, li hija ppjanata li ssir f’Jannar li ġej, huma l-produtturi tal-film Luzzu, li qiegħed fiċ-ċans li jkun nominat għall-Oscars…. kif ukoll dawk ta’ Simshar, Limestone Cowboy u Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi.
Huma saħqu li dan l-aġir huwa moralment skorrett u jagħti l-impressjoni ħażina li l-industrija tal-films f’pajjiżna miexja fuq ir-rubini – meta r-realtà hija l-oppost.
Ġie spjegat li r-realtà hi li filwaqt li produzzjonijiet internazzjonali li jiġu jaħdmu Malta jistgħu jibbenefikaw minn cash rebate sa massimu ta’ 40% tal-ispiża…li tfisser miljuni ta’ ewro….l-budget annwali ddedikat għal dawk lokali huwa biss €600,000.
Għaldaqstant huma saħqu li n-nefqa stratosferika għal dawn l-awards kienet l-aħħar qatra li fawritilhom il-ġarra.