L-eks plejer ta’ Barcelona Xavi Hernandez jinsab viċin li jagħmel ir-ritorn tiegħu mal-istess club din id-darba fil-kariga ta’ coach. Dan wara li fl-aħħar jiem kellu diskussjonijiet mal-ogħla diriġenti ta’ Barcelona kif ukoll ta’ Al Saad, it-tim li qed imexxi bħalissa fil-Qatar.
Xavi qal li l-partijiet kollha jafu bid-deċiżjoni tiegħu u se jkun qed jistenna li Barcelona jilħqu ftehim ma’ Al Saad għar-ritorn tiegħu. Bħala plejer ma’ Barcelona, Xavi rebaħ 25 trofew fosthom tmien darbiet il-La Liga, erba’ darbiet il-UEFA Champions League u erba’ darbiet il-Copa Del Rey.
Xavi jibqa’ magħruf għas-suċċess tiegħu mat-tim nazzjonali ta’ Spanja fejn kien strumentali fit-tim li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-2010, kif ukoll il-Kampjonati Ewropej tal-2008 u tal-2012.
Fl-2019 Xavi ħa f’idu t-tmexxija ta’ Al Saad fil-Qatar fejn magħhom rebaħ il-kampjonat u t-trofew l-istaġun li għadda.
//= $special ?>