Coronavirus Lokali Saħħa

40 każ ġdid ta’ Covid-19

Il-Gvern għadu mhux qed jagħti indikazzjoni dwar x’se jiġri f’Diċembru b’rabta mal-mizuri tal-pandemija. Dan fejn jidħlu mhux biss il-ġranet tal-Milied, iżda anke l-ewwel jiem tax-xahar id-dieħel.

Il-mistoqsijiet dwar x’se jiġri f’Diċembru komplew jiżdiedu wara li fl-aħħar jiem żdiedu l-każijiet attivi ta’ Covid-19 f’pajjiżna …bil-Ministru Chris Fearne jgħid lil Net News li kif inhi s-sitwazzjoni preżenti, ir-restrizzjoninijiet se jibqgħu l-istess.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar sigħat f’Malta nstabu 40 każ ġdid tal-Covid-19, bil-każijiet attivi issa telgħu għal 298. Id-data tal-ahhar sebat ijiem hija l-aktar waħda għolja f’dawn l-ahhar 6 gimghat.

Bħalissa hemm 9 persuni li qed jirċievu l-kura f’Mater Dei, bi 3 jinsabu fit-taqsima tal-Kura Intensiva. Fl-aħħar sigħat fiequ 13-il persuna. U l-R factor bħalissa huwa dak ta’ 1.6.

Il-Ministru qal li ‘l fuq minn tliet kwarti tal-persuni li għandhom aktar minn 70 sena…. sal-Ħamis kienu ħadu l-booster tal-vaċċin.

Mit-Tnejn li ġej il-ħaddiema tas-saħħa, l-għalliema u l-istaff fl-iskejjel se jkunu qed jingħataw il-booster. Huwa qal li Malta se tkun qed toffri l-booster lil kulħadd …minn 12-il sena ‘l fuq.

Il-Ministru qal mill-bidu ta’ Diċembru se jibdew jingħataw il-boosters lil dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, filwaqt li minn Diċembru se tibda r-reġistazzjoni tal-persuni li għandhom bejn 45 u 60 sena.

Għal domanda oħra ta’ Net News dwar is-side effects tal-booster, Chris Fearne qalilna li l-effetti huma simili ħafna bħad-dożi tal-vaċċin.

B’kollox, sa issa l-pandemija kkawżat 462 mewt f’pajjiżna: l-ebda vittma ma ġiet irrapurtata fl-aħħar 24 siegħa.