PN fil-Gvern se jkun qed jagħmel politika li jissalvagwardja lill-bdiewa u lis-sajjieda u li jħares il-prodott frisk Malti. Dan ħareġ tul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Edwin Vassallo u l-Kelliem għad-drittijiet tal-annimali Mario Galea fejn ta’ ħarsa lejn il-politika tal-PN għall-ħarsien tal-annimali.
Edwin Vassallo qal li s-settur agrikolu huwa l-qafas tal-ambjent rurali tagħna u għalhekk il-PN jrid strateġija ekonomika li tassew tirrispetta l-ambjent u l-kampanja tagħna. Dan flimkien ma’ diversifikazzjoni intelligenti li tinkludi produzzjoni u rkupru ta’ enerġija alternattiva bħala sors ta’ tkabbir ta’ dħul u l-ħolqien ta’ patt soċjali ġdid mad-dinja tal-agrikoltura biex nippermettu li l-akbar numru ta’ nies ikollhom aċċess għal ikel ta’ kwalità, ikel bnin bi prezzijiet raġjonevoli, filwaqt li niggarantixxu lill-bdiewa u lis-sajjieda dħul deċenti.
“Gvern Nazzjonalista se jkun qed jagħmel politika li tindirizza l-isfidi li dan il-Gvern naqas milli jindirizza, il-PN se jagħmel politika li jħares l-art agrikola”
Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jgħin lill-bdiewa jsiru sid ir-raba privat u jirregolarizza l-qbiela tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu Mario Galea qal l-politika tal-PN se tkun qed tħares lill-annimali, fejn anki tingħata l-għajnuna biex il-mediċini għall-annimali ma jibqgħux daqshekk għolja.
“Se nkunu qed ngħinu s-santwarji tagħna, għandna mira li jkollna ġonna f’numru ta’ żoni fejn l-annimali tagħna jkunu jistgħu joqogħdu, se nkunu qed nagħtu wkoll għajnuna lil-lukandi pet friendly biex ikunu jistgħu jżommu din l-inizjattiva, u kif ukoll nagħtu lis-sezzjoni tal-pulizija li ssegwi l-abbużi tal-annimali biex ikollha mezzi tajba forensiċi biex tinvestiga każijiet b’rabta ma’ abbuż tal-annimali”
Huwa qal li PN fil-Gvern se jkun qed jara li l-annimali jkunu protteti f’pajjiżna. Huwa qal li mhux ġusta li l-Gvern ħareġ whitepaper u wara ftit sigħat ġiet irtirata, bl-annimali u l-ħarsien tagħhom ikunu mwarrba mill-politika tal-Gvern.
//= $special ?>