Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur il-Festival tal-Ktieb

Mijiet ta’ Maltin għal sena oħra ħatfu l-opportunità biex iżuru l-Festival tal-Ktieb għal din is-sena li qed jittella’ fl-MFCC f’Ta Qali. Il-festival, li beda l-Erbgħa li għadda u jintemm il-Ħadd, għandu l-parteċipazzjoni ta’ għexieren ta’ esebituri b’eluf ta’ kotba għall-bejgħ.

Il-Ġimgħa żar ukoll il-Festival tal-Ktieb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li ltaqa’ ma diversi esebituri differenti u kellu l-opportunità li jifhem aktar l-isfidi li llum qed isibu l-pubblikaturi u l-awturi.

Fiż-żjara Bernard Grech iltaqa’ ma’ bosta nies li kienu qed jixtru l-kotba u jattendu l-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u seta’ wkoll jara t-talent ta’ bosta awturi u artisti Maltin.

Diversi familji, anke dawk bit-tfal, kellhom iċ-ċans ukoll jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet li ġew organizzati bħala parti mill-programm. Fost dawn, qari tal-kotba lit-tfal.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb evolva mill-Fiera tal-Kotba Nazzjonali, li saret għall-ewwel darba fl-1979, fejn kiber għall-Festival tal-lum b’aktar parteċipazzjoni u bħala attività kulturali minnu nnifsu.

Flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm martu AnneMarie Grech, id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli u l-kandidati Justin Schembri u Clifford Zahra Fenech.