Lokali

Il-Parlament Malti, wara 100 sena, x’ġejjieni għandu?

Il-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi ser torganizza konferenza biex tiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tal-Parlament ta’ Malta nhar il-Ħamis 11 ta’ Novembru fl-10.30am fil-Kamra tad-Deputati.

Dan ser tagħmlu għax tħoss li ż-żewġ patrijotti Maltin li għalihom hija imsemmija din il-Fondazzjoni, iddedikaw ħajjithom b’sagrifiċċji personali u dawk tal-familja tagħhom, u ħadmu bla heda biex jaraw il-poplu Malti liberu u jgħix bid-dinjita’ ġo pajjiż ħieles.

Fortunato Mizzi, dejjem elett minn Għawdex f’kull elezzjoni mill-1800 sakemm miet, u ibnu Nerik Mizzi, li miet bħala Prim Ministru, jistħoqqilhom ġieħ għall-imħabba ġeneruża tagħhom lejn Malta, u jingħaqdu magħna biex nifirħu flimkien f’dan l-avveniment importanti fil-mixja twila lejn il-ksib tad-drittijiet ta’ Malta bħala stat sovran.

Waqt din l-inizjattiva, li se tkun taħt il-patroċinju tal-iSpeaker Anglu Farrugia, se jkun hemm diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kif ukoll minn diversi eks-Speakers.