Il-karusijiet ikkuluriti li naraw kull sena – il-Piggy Banks ser jirritornaw fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex – hekk kif l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta George Vella nieda t-18-il edizzjoni tal-Piggy Bank Campaign.
Kif jiġri kull sena, din l-inizjattiva hija mmirata l-iktar għat-tfal Maltin u Għawdxin fejn tinħoloq kuxjenza dwar l-importanza li jgħinu lil min ikun għaddej min żmien diffiċli permezz ta’ donazzjonijiet żgħar li jmorru b’risq Il-Malta Community Chest Fund Foundation.

F’din l-inizjattiva, is-settur tal-ambjent ingħata wkoll l-importanza li jistħoqlu hekk kif il-karusijiet se jerġgħu ikunu magħmula minn materjal tal-kartun u mhux tal-plastik kif nafuhom qabel. Dawn se jitqassmu fi 3,000 klassi u l-flus li jinġabru fihom ikunu preżentati lill-Community Chest Fund, l-għada tal-Milied, fl-Istrina.
Il-President George Vella qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istudenti jibdew jagħrfu li l-ħajja mhux dejjem toffri esperjenzi faċli u li s-solidarjetà hi valur importanti.
Filwaqt li fl-iskejjel issa bdiet stennija għall-piggy banks, waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li s-sena li għaddiet inġabru €55,000 permezz tal-inizjattiva tal-karusijiet b’risq l-Istrina.
