Rapport: Stewart Said
Fl-aħħar snin, il-waterpolo ġab lejn pajjiżna diversi riżultati pożittivi. L-aħħar wieħed riċenti kien it-13-il post fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li sar f’pajjiżna. Aktar aħbarijiet sbieħ waslu fl-aħħar ġimgħat hekk kif plejers żgħażagħ u kollha ta’ talent għal dawn ix-xhur li ġejjin se jkunu kollha barra minn pajjiżna biex itejbu l-logħba tagħhom u jkomplu jgħollu l-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna.
Fost il-klabbs lokali, jispikkaw Sliema. Jamie Gambin, Liam Galea, Benji Cachia, Matthew Mifsud u Jayden Cutajar kollha ħallew Malta lejn pajjiżi differenti. Għat-tieni staġun konsekuttiv, Jamie Gambin se jkun qed jilgħab f’pajjiżna, din id-darba mal-klabb tas-Serie A1 SS Lazio Nuoto. Liam Galea u Benji Cachia żewġ plejers li ilhom parti mit-tim ewlieni ta’ Sliema għal dawn l-aħħar snin, jinsabu fi Spanja għal opportunità mat-tim tal-Ewwel Diviżjoni fi Spanja CN Poble Nou.
Matthew Mifsud li ġej minn staġun mill-aqwa mat-tim Slimiż, se jkun qed jitħarreġ mal-ewwel tim ta’ Club Nataciò Sant Andreu. Dan filwaqt li l-plejer ta’ 17-il sena se jilgħab fit-tieni tim tal-klabb u t-tim ta’ taħt it-18-il sena. Fuq in-naħa l-oħra, Jayden Cutajar żgur li hu sodisfatt bis-sena li kellu. Iż-żagħżugħ ta’ 14-il sena, kien wieħed mill-aqwa plejers fl-Ewwel Diviżjoni u wkoll spikka waqt il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena. Cutajar qed jitħarreġ ma’ Partizan Belgrade fis-Serbja.

Neptunes ukoll għandhom plejers ta’ talent li se jużaw ix-xhur li ġejjin biex jitgħallmu u jitjiebu. Filwaqt li l-plejer ta’ 18-il sena Jake Muscat reġa’ jinsab ma’ PVK Jadran għat-tieni staġun konsekuttiv, din id-darba ngħaqdu miegħu żewġ plejers promettenti.
Dawn huma Alec Fenech u Sam Gialanze, plejers li mhux biss spikkaw fit-tim ta’ Anthony Farrugia waqt il-Kampjonat Ewropew iżda kellhom kontribut biex għenu lil Neptunes jirbħu l-kampjonat. Mal-klabb Montenegrin, Fenech u Gialanze se jkollhom iċ-ċans li jiffurmaw parti mit-tim taż-żgħażagħ. Mark Castillo se jkun aktar qrib pajjiżna hekk kif għal dan l-istaġun se jkollu lil Miros Ciric bħala kowċ, b’esperjenza mas-settur taż-żgħażagħ tal-ġganti Taljani Pro Recco.
Minbarra Jake Muscat, Alec Fenech u Sam Gialanze, fil-Montenegro se jkun hemm ukoll Jake Bonavia ta’ San Ġiljan u Stefano Fava, proprjetà ta’ Birżebbuġa. Bonavia se jilgħab ma’ Primorac b’tama li jilgħab xi minuti mal-iskwadra ewlenija filwaqt li Fava jinsab ma’ VK Budva.

Sirens ukoll għandhom plejers li ħallew pajjiżna biex iżidu fil-kwalità tagħhom. Gianni Farrugia beda esperjenza fl-Ungerija taħt il-gwida tal-eks plejer ta’ Sirens Zsolt Varga ma’ Ferencvaros. Gabriel Melillo se jerġa’ jħalli pajjiżna din id-darba biex jilgħab ma’ Fordhan Athletics. Hu se jkun qed jikkombina l-istudju mal-isport. Esperjenza simili għall-gowlkiper Gianni Galea Curmi li wkoll se jkun qed jistudja iżda se jilgħab ma’ Tuscolano Pallanuoto filwaqt li jistudja f’La Sapienza.
Jekk dawn l-aħbarijiet huma pożittivi, daqstant ieħor hi l-aħbar li Andreas Galea se jilgħab dan l-istaġun mat-tim tas-Serie A2 Lavagna. Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza għall-plejer ta’ 25 sena, bid-differenza li issa hu aktar matur. Il-plejer ta’ Neptunes Jeremy Abela din id-darba se jipprova esperjenza fis-Serie B Taljana ma’ Club Aquatico Pescara.
Dan mingħajr ma jħalli barra l-istilla tal-waterpolo lokali Stevie Camilleri li se jkun qed jilgħab ukoll fis-Serie A2 ma’ Muri Antichi għat-tieni staġun konsekuttiv. Total ta’ 17-il plejer li forsi b’eċċezzjoni tal-captain tat-tim nazzjonali, kollha jittamaw li jużaw din l-esperjenza biex itejbu l-kwalità personali kif ukoll jgħinu lit-timijiet nazzjonali Maltin.
