Għal ġurnata oħra kien rappurtat traffiku enormi.. din id-darba fl-inħawi tal-Imdina kif ukoll fi Triq Reġjonali u numru kbir ta’ toroq oħrajn li għal xi raġuni, minkejja l-infieq li sar biex jitwessgħu t-toroq, il-problema baqgħet hemm, jekk mhux għar milli kienet.
Diversi nies li tkellmu ma’ dan is-sit spjegaw kif ilhom għal ħin twil maqbuda fit-traffiku fit-triq ta’ taħt l-Imdina minħabba li hemm numru ta’ toroq magħluqa. Sitwazzjoni li qed issir il-prassi ta’ kuljum. Apparti f’din it-triq, kien rappurtat ukoll ammont kbir ta’ traffiku f’diversi toroq madwar Malta.
Fl-aħħar snin rajna l-ftuħ ta’ toroq ġodda u x-xogħlijiet tat-twessigħ ta’ oħrajn… b’inawgurazzjonijiet bombastiċi mill-Ministru Ian Borg, kultant għal waħda tnejn.
Madankollu minn dak li ta’ kuljum qed jiffaċjaw diversi sewwieqa… jidher li dan kollu ftit li xejn wassal biex is-sewwieqa Maltin jaħlu inqas ħin fit-traffiku, jaħlu inqas fuel, jew iniġġżu inqas l-arja.
