L-Avukat Ġenerali qiegħed jistaqsi jekk immigrant mill-Gambja li spiċċa ferut b’tir fil-warrani jistax jibqa’ jsofri minn diżabilità permanenti. Din il-mistoqsija saret mill-Qorti hekk kif kien qed jixhed il-konsulent Mark Portelli fil-kumpilazzjoni tas-suldati Lorin Scicluna ta’ 23 sena u Francesco Fenech ta’ 22 sena, li qegħdin jiġu akkużati li qatlu lill-immigrant Ivorjan Souleymane Lassana Cisse.
Is-suldati qegdin jiġu akkużati li qatlu lil Cisse ta’ 42 sena, f’ April tal-2019 meta kienu għaddejjin minn Triq il-Ġebel f’Birżebbuġia u sparaw fuqu. Huma qegħdin jiġu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq żagħżugħ miċ-Chad fejn kienu sfaw feruti wkoll Ibrahim Bah u Mohammed Diallo li huma mill-Gambja.
Il-konsulent Mark Portelli qal li biex ikun magħruf jekk Bah baqax isofri minn xi forma ta’ diżabilità permanenti jridu jsir testijiet fuqu. Il-Maġistrat hawn talab lill-konsulent jekk dan jistax ikun magħruf mir-records tal-vittma wara li jkun mar diversi drabi l-isptar għal ‘check-ups’, xi ħaġa li l-konsulent Portelli se jivverifika dwarha.
Il-konsulent Mark Portelli qal quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li fis-7 ta’ April tal-2019 Ibrahim Bah kien ammess l-isptar fl-emerġenza wara li kien weġġa’ gravi minn tir sparat fid-direzzjoni tiegħu. Qal li l-għada kien ġie referut lilu wara li fuq sar city scan fuq prattikament il-ġisem kollu. Qal li ġie konfermat li ma kien hemm l-ebda problemi fil-moħħ, sidru u l-ispina fost partijiet ta’ ġismu.
Kellu iżda fuq il-parti tal-warrani tax-xellug. Qal li qabel sar l-invervent fuqu ngħata l-loppju u wara tnaddfet il-ferita. Tenna li wara bħal f’kull intervent, jsir follow-up. Tenna li mhux hu kien raha lil Bah fil-follow-up imma xi ħadd mit-team tiegħu
Lorin Scicluna minn Raħal Ġdid u Francesco Fenech minn Marsaskala kienu ġew reklutati fl-armata f’Ottubru 2017. Francesco Fenech kien intbgħat fl-ewwel reġiment ta’ C-Company. Filwaqt li Lorin Scicluna kien intbgħat fit-tielet reġiment.
Fl-10 ta’ Diċembru tal-2019 is-suldati kienu ngħataw il-pleġġ fuq depożitu ta €30,000 u garanzija personali ta’ €20,000 u josservaw curfew. Huma kienu ordnatu wkoll jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija kuljum. Għal Lorin Scicluna qed jidhru l-avukati Franco Debono u Kris Busietta, filwaqt li għal Francesco Fenech qed jidhru l-avukati Gianella DeMarco u Stephen Tonna Lowell Il-kumpilazzjoni tkompli fis-16 ta’ Diċembru fl-10.30 am.
//= $special ?>