Ħalliel residenti Ħad-Dingli li għandu problema ta’ droga ngħata sentenza sospiża wara li ammetta serq ta’ għodda. Huwa kien tressaq il-Qorti f’Ġunju li għadda wara li kien inżamm mill-pulizija meta mar jiffirma l-Għassa meta kien ingħata l-pleġġ fuq każ ieħor.
Emad Khalifa Beleed Zweitt, ċittadin Libjan ta’ 49 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li fit- 8 ta’ Ġunju 2021, għall-ħabta tas-2.00pm. fit-Triq Daħla tas-Sienja, fir- Rabat, Malta u ikkommetta serq ta’ għodda għad-dannu tal-kumpanija Central Asphalt Ltd. bil-valur li ma jeċċedix l-€2,329.37.
Ammetta wkoll li daħal ġewwa propjetá ta’ ħaddiehor mingħajr ebda permess u an biex bi ħsara tas-sid jagħmel vjolazzjoni oħra kontra l-proprjetà ta’ ħaddieħor. Huwa ammetta li seraq jigger u għodda oħra minn sit ta’ kostruzzjoni fir-Rabat.
L-Ispettur Stacy Attard kienet spjegat kif ħaddiem tal-kostruzzjoni kien iffilmja persuna titlaq b’jigger u għodda oħra mis-sit tal-bini. Dak il-filmat tal-mobile sussegwentement ingħata lill-pulizija. Meta l-akkużat mar fl-għassa tal-pulizija biex iżomm l-appuntament regolari tiegħu biex jiffirma, huwa ġie identifikat bħala l-allegat suspettat f’dak il-filmat.
Meta tressaq l-ewwel darba huwa kien wieġeb mhux ħati tas-serq, kif ukoll li kiser id-drittijiet tal-proprjetà privata u li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ. L-avukat difensur Jason Grima kien qal li l-klijent tiegħu kellu bżonn trattament għal problema ta’ droga.
Kien fit-30 ta’ Settembru li għadda li l-imputat irreġistra ammissjoni. Il-Qorti qieset, b’żieda maċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li jinkludu l-kondotta li mhix netta peress li fiha jinsabu reġistrati diversi sentenzi relatati mad-droga, serq u ksur tar-reoglament ta’ l-Uffiċjal Prinċipali ta’ l-Immigrazzjon.
Dwar l-ammissjoni bikrija ta’ l-imputat.ġie meqjus li din ġiet irreġistra fis-sitt dehera appuntata għas-smiegħ tal-kawża u dan wara l-prosekuzzjoni kienet diġa ressqet xi xhieda u provi. Il-prosekuzzjoni tenniet li l-Qorti għandha tikkunsidra sentenza sospiza fil-massimu tagħha flimkien ma Ordni ta’ Trattament. Id-difiża qablet ma’ din il-pożizzjoni.
Filwaqt li l-Qorti mhix bl-ebda mod marbuta ma dawn is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni u tad-difiża qalet li tara li din il-piena hija legalment proponibbli u fil-parametri tal-liġi. Il-prosekuzzjoni itenni li l-imputat ikkopera mal-pulizija u l-oġġetti misruqa kollha ġew ritornati lis-sid.
L-imputat waqt iż-żmien tar-reat kien ibati mil-vizzju tad-droga u li f’dak iż-żmien ma kellux impjieg u spiċċa f’ċiklu vizzjuż fejn kien qed jirikorri għall-kriminalità u jisraq sabiex imanti lilu nnifsu inkluż il-vizzju tiegħu. Naturalment qalet il-Qorti, din mhijiex ġustifikazzjoni ta’ dak li wettaq u l-vittmi m’għandhomx jgħixu f’soċjetà imdawwrin ma’ persuni li jmantu il-vizzji tagħhom billi jwettqu reati sabiex jissostanzjaw dan il-vizzju.
Mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation Dorian Cornelius jirriżulta li waqt il-proċeduri l-imputat beda jikseb l-għajnuna mill-Aġenzija Sedqa. Il-Qorti qieset li l-imputat huwa kkunsidrat reċidiv u għalhekk tista’ meta tagħti piena żżid l-istess piena bi grad wieħed jew tnejn.
Il-Qorti rat ukoll li l-imputat ġie akkużat li kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu. Fil-fatt nhar il-25 ta’ Marzu 2021, l-imputat kien ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, kif ukoll kien tqiegħed taħt Ordni ta’ Trattament u taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjal tal-probation.
Bħala konsegwenza l-imputat kien iddepożita fir-Reġistru tal-Qorti s-somma ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Apparti dan, l-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija għandu jiġi konfiskat favur il-Gvern ta’ Malta. Fic-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, peress li l-Qorti hija tal-fehma li l-ksur tal-kondizzjonijiet kienet ta’ konsegwenza serja li wasslet sabiex iwettaq reat ieħor mill-ġdid, il-Qorti, tqis li l-piena għandha tkun dik ta’ multa magħquda ma’ konfiska stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija.
Minn dak li rat u eżaminat il-Qorti jirriżulta li din trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravita’ tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà in ġenerali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jiġi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lil pubbliku.
Il-Qorti għaldaqstant ikkundannatu għal piena ta’ sentejn priġunerija sospiżi ghal erba’ snin u rrevokat l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest mogħti lill-imputat u tordna l-arrest mill-ġdid tiegħu u li s-somma ta’ €5,000 imsemmija bħala garanzija personali tgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta.
Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal sentejn u f’dan il-każ hemm lok li jiġi maħruġ Ordni ta’
Trattament fil-konfront tal-imputat u li permezz tiegħu huwa jkun jista’ jiġi mgħejjun jegħleb diffikutajiet li huwa jidher għaddej minnhom minħabba diversi abbużi.
Il-Qorti qegħdet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għal perjodu u ta’ 18-il xahar u wissietu dwar il-konsegwenzi li jsib ruħu fihom f’każ li huwa ma joqgħodx għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-ordni ta’ trattament.
//= $special ?>