Lokali

X’jiġri jekk pajjiżna jintlaqat minn tsunami?

Jekk dalgħodu smajt ħafna sireni fl-akwati ta’ Marsaxlokk, u forsi staqsejt x’seta ġara – fl-akwati kien għaddej eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ tsunami – Pajjiżna jinsab lest għall-eventwalità ta’ tsunami.

Fil-fatt, dalgħodu, f’Marsaxlokk sar eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ tsunami immexxi mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bl-assistenza ta’ ħidma konġuta mal-Korp tal-Pulizija, team mediku tal-ambulanzi, il-Forzi Armati u l-LESA.

Kollox beda għall-ħabta tal-10am meta f’pajjiżna – skont is-simulazzjoni – waslet email ta’ allert mill-Italja. Din l-email infurmat lill-awtoritajiet Maltin li terremot kien għadu kif laqat lill-Italja u li jista’ jkun li joħloq riskju ta’ tsunami fil-viċinanzi.

Din l-informazzjoni kienet mgħoddija lill-Università ta’ Malta fejn bdiet ħidma ta’ identifikazzjoni tar-riskji …u appena kien konfermat li pajjiżna se jintlaqat minn tsunami ta’ madwar metru u nofs, il-pubbliku kien infurmat permezz ta’ sireni u messaġġ irrekordjat li instema jidwi madwar Marsaxlokk.

Il-ħidma involviet diversi stazzjonijiet armati għal tal-apposta fejn in-nies setgħu jinġemgħu f’post sikur u anke ittieħdulhom id-dettalji biex tinġabar data ta’ min kien ħeles it-tsunami.

Marsaxlokk kien identifikat bħala wieħed mil-lokalitajiet f’Malta li jista’ jintlaqat l-iktar fl-eventwalità ta’ tsunami, u kien għalhekk li l-eżerċizzju sar f’din il-lokalità.