Lokali

Familja t’erbgħa trid mal-€460 f’erba’ ġimgħat għall-ikel biss

... ikollhom ikla waħda kuljum, u ħobż bil-perżut f'nofsinhar

Familja ta’ erbgħa persuni li ma joħorġu qatt jieklu f’ristorant u li lanqas ma jordnaw take-aways, iżda li jieklu ikla waħda kuljum u ħobż biss f’nofsinhar, iridu aktar minn €460 fix-xahar għall-ikel biss.

NET News għamel eżerċizzju li fih ġabar l-ispejjeż għal xirja ta’ erba’ ġimgħat għal familja magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal.

Ix-xirja tkopri ikla waħda ta’ filgħaxija għal 28 ġurnata.

Ta’ kull ġimgħa, żewġ ikliet għaġin, waħda ross, darbtejn tiġieġ, darba salamun u darba ċanga. Għal-lunches, ħobż bil-perżut u l-ġobon, u ċereali bħala breakfast.

Umbagħad ħsibna għat-te u l-kafe ta’ filgħodu u ta’ waranofsinhar, ftit gallettini, ftit banana u tuffieħ, biċċtejn ċikkulata għat-tfal, ilma u luminata, bil-kont tela’ għal €464.22.

Din l-ispiża titratta biss dak li familja tiekol f’darha biss, mingħajr ma jieklu barra jew imqar jieħdu flixkun inbid wieħed. Barra minhekk, fix-xirja qagħdna attenti li nagħżlu l-prodotti bl-aktar  prezzijiet baxxi, fejn kien hemm l-għażla.

Dan ifisser li familja bi dħul wieħed – b’paga minima ta’ €784 – jifdlilha biss €320 fil-but fix-xahar wara li jagħmlu din it-tip ta’ xirja, u dan mingħajr ma xtraw prodotti tal-iġjene personali jew prodotti tat-tindif tad-dar jew tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

Naturalment, umbagħad ikun fadal il-kontijiet tad-dawl u l-ilma x’jitħallsu, il-kontijiet għal servizzi oħrajn bħall-internet u servizzi tal-cable, fuel tal-karozza, services, liċenzja u insurance, u l-ħlasijiet tal-kiri fuq il-propjetà jew ħlas tal-loan tad-dar, kif ukoll spejjeż għal ħsarat mhux mistennija f’xi appliances jew fil-karozza.

Bosta huma dawk li ta’ kuljum meta jmorru jixtru mis-supermarket qed jinnotaw żidiet sostanzjali daqqa fi prodott u daqqa f’ieħor, u dan fuq oġġetti bażiċi tal-ikel li wieħed ma jistax jgħaddi mingħajrhom.

Madankollu, u minkejja dan, il-Gvern ta’ Robert Abela dehrlu li ż-żieda ta’ €1.75 ċenteżmu kienet biżżejjed.