Qed inressqu Protest Ġudizzjarju biex il-Qorti tieħu nota tar-responsabbilta diretta ta’ dawk kollha li se jeżerċitaw poter pubbliku għall-objettiv illegali li jitkompla l-kuntratt tal-Vitals. B’dan il-Protest Ġudizzjarju qed inżommu wkoll li dawk kollha parteċipi f’dan l-abbuż u l-illegalità responsabbli għad-danni kollha li qed isofri l-poplu Malti b’konsegwenza ta’ dan il-kuntratt.
Kien dan il-messaġġ ewlieni matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Michael Piccinino.
Il-kuntratt tal-Vitals sar bi ksur tal-Liġi u ġie meqjus mill-Istat stess li ma jagħtix valur għall-flus liċ-ċittadini Maltin. Għaldaqstant, dan għandu jintemm minnufih u m’għandhomx jiġu allokati aktar miljuni għal dan il-kuntratt.
Wara l-ammissjonijiet fil-Qorti mill-istess Steward Healthcare u l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, li ddikjara li l-kuntratt sar bi ksur tar-regoli u mingħajr ma jassigura valur għall-flus taċ-ċittadin, il-Gvern ma jistax jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn u jibqa’ jalloka l-miljuni fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Għax wara li ħareġ biċ-ċar fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li l-kuntratt tal-Vitals ma jagħtix valur ghall-flus, f’dan il-Budget, il-Gvern qed jerġa’ jitfa’ €69 miljun fis-sena fuq kuntratt li l-Awditur Ġenerali stess qed jghid li sar bi ksur tal-Liġi.
Jekk ikompli jitfa’ l-flus fuq kuntratt illegali, il-Membri Parlamentari kollha tal-Gvern qed jirrendu ruħhom kompliċi fis-serq u l-illegalità għas-spejjeż tal-poplu Malti.
Il-Gvern stess jaf li għandu problema, tant li nafu li minn wara l-kwinti, qed jieħu l-pariri kif jista’ jwaqqaf dan il-kuntratt u jinħall minnu. Hu ċar, iżda, li n-nuqqas ta’ azzjoni qed tiswa l-miljuni ta’ ewro lill-poplu Malti u Għawdxi u lil dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn l-isptarijiet għax is-servizz qed jitpoġġa wara l-profitt.
L-allokazzjoni ta’ aktar miljuni għal kuntratt li diġà hu problema kbira, mingħajr kontroll u mingħajr riżultat liċ-ċittadin, hu att gravi politikament u legalment, bil-Partit Nazzjonalista hu obbligat jara li l-poplu ma jkomplix ikun misruq.
Għal darb’oħra il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ tarka taċ-ċittadin. Din hi l-vokazzjoni tal-Partit Nazzjonalista: Partit tan-Nies, Partit li jaqbeż għan-Nies u Partit li lest jaffronta l-poter u l-abbuż biex jara li inti tieħu dak li ħaqqek.