Basketball Sport

Imut Tony Camilleri, meqjus bħala wieħed mill-akbar ismijiet fil-basketball lokali

Kmieni s-Sibt filgħodu tħabbret il-mewt ta’ Tony Camilleri, bniedem meqjus bħala wieħed mill-ikbar ismijiet fix-xena tal-basketball lokali. Matul il-karriera tiegħu, Camilleri serva bħala player u anke coach mal-clubs ta’ Ħamrun u Siġġiewi fejn rebaħ numru ta’ unuri. Camiller kien ukoll parti mit-tim nazzjonali Malti tal-basketball fejn fl-1985 kienu rebħu midalja fil-Logħob Inawgurali tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

L-aħbar tal-mewt ta’ Camilleri tħabbret minn ibnu stess, Andrew, fejn f’messaġġ fuq il-media soċjali qal li missieru kien tilef il-battalja tiegħu kontra l-kanċer. Martu Carmen ukoll sellmet il-memorja tiegħu fejn qalet li minkejja t-tbatija li kien għaddej minnha xorta baqa’ jiċċajta sal-aħħar.

Numru ta’ persuni nvoluti fix-xena tal-basketball ukoll sellmu l-memorja ta’ Tony Camilleri fejn kollha faħħru l-kapaċitajiet tiegħu . Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius ukoll sellem il-memorja ta’ Camilleri permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali.