Kitarra ħa taqa’ u ma taqax li fiċ-ċert ħadd ma kien iħares darbtejn lejha, kienet l-ewwel strument li wasslet għall-imħabba ma taqta’ xejn ta’ żagħżugħ – imħabba li wasslet biex iwettaq il-ħolma ta’ persuni oħra li ma jaffordjawx jixtru strument.
L-imħabba lejn il-mużika għaż-żagħżugħ ta’ 22 sena, Bernard-James Vella bdiet minn mindu kien għadu żgħir. Meta kien sab kitarra mitluqa f’ġenb li fl-imgħoddi kienet t’ommu, minkejja li kienet antika ferm, xorta waħda saħritu tant li ħatafha f’idu u beda jipprova jdoqqha. Madanakollu, ħa ż-żmien sakemm qabad in-noti tal-kitarra hekk kif ma kellux idea kif idoqqha.
Daqs sena ilu, Bernard-James iddeċieda li jibda jakkwista kitarra b’xejn, jirrestawrahom u jtihom b’donazzjoni lil persuni li ma jaffordjawx jixtru strument minn buthom. Din l-idea jagħmilha minn jheddu biex jara li kull persuna li għandha l-ħolma li tkun ta’ suċċess fil-mużika, jgħinha tasal għaliha. Iżda kif bdiet din l-idea?
L-ewwel gitarra li ngħatat b’donazzjoni… lil Bernard-James stess!
Kien ħabib tiegħu li lura fl-2016 kien tah l-ewwel kitarra tiegħu wara dik li kien sab id-dar tiegħu. Kien apprezza ferm li fid-dawl li ma kienx jaffordja jixtri kitarra, sieħbu offrielu waħda minn tiegħu b’xejn biex ikun jista’ jipprattika aħjar fuqha. Minn hemmhekk bdiet l-idea li jibda jagħti l-kitarri lil dawk li ma jistawx jixtru waħda. Fil-fatt, l-ewwel kitarra li kien ta kienet lil ħabib ieħor tiegħu li tah kitarra li ma kienx għadu juża.
Kienet din l-opportunità li wasslitu biex jirrealizza verament kemm hi xi ħaġa sabiha li jagħmel att ta’ karità sabiex fl-aħħar mill-aħħar dik il-persuna li jkun għin tasal twettaq il-ħolma tagħha.
Tieħu l-ħajja l-idea ta’ gitarri b’donazzjonijiet
Kienu numru ta’ persuni li kkuntatjawh biex ituh kitarri u ukulele antiki li m’għadhomx jużaw, fejn minn hemmhekk għamel ġranet u kultant saħansitra ġimgħat jirranġahom biex itihom lil persuni li ma jaffordjawx jixtru strument iżda għandhom imħabba ma taqta’ xejn lejn il-mużika.
Fi żmien sena, Bernard-James irrestawra u ta mat-13-il kitarra, bi tnax-il kitarra oħra jinsabu għandu jistennew biex jiġu restawrati biex finalment jingħataw b’donazzjoni.
Iż-żmien ta’ proċess tar-restawr tal-kitarri jvarja hekk kif uħud ikollhom ftit li xejn ħsara iżda oħrajn ikun jeħtiġilhom ferm iktar xogħol. Infatti, ġieli ta tlieta f’ġimgħa iżda drabi oħra jieħu bejn xahar jew xahrejn sakemm ilesti t-tiswija fuq kitarra waħda.
Minn hemmhekk jibda proċess ieħor fejn Bernard-James jikkuntatja persuna li uriet interess biex tirċievi kitarra b’donazzjoni u jassigura li huma każi ġenwini, bl-għan tagħhom ikun verament li jitgħalmu l-kitarra. Dan hekk kif darba minnhom, hu kien ta kitarra lil persuna partikolari u ftit jiem wara ra post fuq Facebook li din l-istess kitarra kienet għall-bejgħ. Fortunatament, Bernard-James irnexxilu jakkwistaha lura biex itiha lil min verament ħaqqu.
L-iżgħar persuna li għamlet talba għal kitarra kienet ta’ tifla ta’ tmien snin li minn età tant żgħira uriet l-passjoni lejn il-mużika. U l-ikbar persuna fl-età kienet mara li għandha madwar 45 sena.
Kif bdiet l-imħabba tiegħu għall-mużika?
Minn ta’ età żgħira, Bernard-James beda jfittex dwar il-mużika u sab l-ewwel band li ffissat fuqha, b’attenzjoni partikolari ntefgħet fuq il-kitarrist. Kien dan il-kitarrist li wasslu biex jibda jitgħallem in-noti tal-mużika tagħhom. Minn hemmhekk beda jitgħallem idoqq il-kitarra u saħansitra jikteb mużika oriġinali tiegħu.
Fil-maġġoranza taż-żmien, Bernard-James kiber jgħallem lilu nnifsu, tant li ftit li xejn attenda lezzjonijiet tal-kitarra. U minkejja li ġieli pprova jitgħallem strumenti oħra, l-imħabba tiegħu dejjem baqgħet lejn il-kitarra tant li jisħaq li ma jbiddilha mal-ebda strument ieħor.
Kif jidher il-futur ta’ Bernard-James?
Illum il-ġurnata Bernard-James ilu mas-seba’ snin jitgħallem professjonalment il-kitarra. Hu fid-dawl ta’ dan li mhux biss jirranġa u jagħti l-kitarri minn jheddu iżda saħansitra ġieli ta lezzjonijiet b’xejn lil persuni ġenwini li ma jaffordjawx jattendu lezzjonijiet.
Bernard-James jittama li dawn il-persuni jirnexxilhom fl-industrija tal-mużika u fi fis-snin li ġejjin jirċievi li permezz tal-gitarra li jkun tahom, huma jkun irnexxilhom jimxu wara l-ħolma tagħhom.
Il-ħolm ta’ Bernard-James jirrivolvi mal-mużika. Bħalissa qed jikteb mużika oriġinali flimkien mal-band tiegħu, Trip Switch. U ’l quddiem jixtieq li jaħdem bħala tekniku tal-kitarri, jiġifieri jirranġa u jirrestawra kitarri antiki. Daqs ftit snin ilu, kieku kont issaqsih jixtieqx jagħmel dan il-xogħol f’pajjiżna jew barra minn xtutna, Bernard-James kien jaħtfek fil-kelma u jgħidlek li żgur barra minn Malta. Iżda llum il-ġurnata, meta jara kemm hawn ftit Maltin li jixtiequ jiffokaw fuq din il-linja, hu jittama li jsib xogħol f’art twelidu.
//= $special ?>